Ġewwa l-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli fil-Kulleġġ San Nikola saret taħdita mill-iskejjel imsieħba fil-proġett e-twinning.
Dan il-proġett li fih hemm aktar minn elf u mitejn skola minn madwar id-dinja msieħba fih, joffri kollaborazzjoni bejn diversi skejjel u jinvolvi diversi skambji ta’ studenti.
L-E-Twinning jiftaħ ukoll diversi opportunitajiet għall-istudenti biex joħolqu proġetti innovattivi u edukattivi ferm bħal proġetti tekonoloġiċi, ambjentali u anki kulturali.
F’din it-taħdita, ħdax-il skola minn madwar Malta u Għawdex ingħataw il-premju msejjaħ bħala E-Twinning School Label li jagħti iżjed viżibilità lill-iskola li tkun irċeviet il-premju fid-dinja edukattiva.
Malta hija t-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa li għandha l-akbar ammont ta’ skejjel li rċevew dan il-premju.
L-Iskola Primarja ta’ Ħal-Lija hija waħda mill-iskejjel li rċeviet dan il-premju hekk kif ilha s-snin parteċipi fil-proġetti ta’ E-Twinning.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Kap tal-Iskola sostniet kemm dan il-proġett kien ta’ benefiċċju, mhux biss għall-istudenti imma anki għall-edukaturi.
“Permezz ta’ dan il-proġett kien hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-iskejjel t’għalliema differenti minn kulleġġi differenti u allura għandek ideat diversi fuq l-użu ta’ teknoloġija diġitali wkoll biex aħna dejjem intejbu l-prodott tat-tagħlim, it-teacher dejjem tkun innovattiva ħalli t-tfal iktar ikunu impenjati fil-lezzjonijiet.”