Proġett dwar kif inhu mibni u kif se jkompli jitjieb is-servizz provdut minn servizz.gov jinsab fost il-finalisti għall-premju internazzjonali “Service Design Award”, li r-rebbieħ tiegħu se jitħabbar fil-bidu ta’ Novembru f’Madrid.
Il-proġett huwa l-frott ta’ kollaborazzjoni bejn studenta Ingliża tar-Royal College of Art, Ella Walding, u l-istakeholders ta’ servizz.gov. Walding ippreżentat il-proġett għat-teżi tal-Masters tagħha.
Bħala parti mir-riċerka li għamlet, Walding tkellmet mat-tim li jmexxi servizz.gov, ma’ uffiċjali minn ministeri differenti, mal-aġenti li jipprovdu s-servizz wiċċ imb wiċċ lill-klijenti fil-ħames ċentri ta’ servizz.gov, kif ukoll mal-klijenti nfushom. Ġew organizzati wkollworkshops fejn dawk kollha involuti ħarġu b’ideat dwar kif jista’ jkompli jitjieb is-servizz offrut minn servizz.gov.
Ir-rispons tal-klijenti kien pożittiv ħafna, b’ħafna minnhom jenfasizzaw kemm iħossuhom moqdijin aħjar issa li qed isibu s-servizzi governattivi kollha miġburin taħt saqaf wieħed fil-ħames ċentri ta’ servizz.gov f’Raħal Ġdid, il-Birgu, il-Qawra, Birkirkara u Ħal Qormi. Dawn iċ-ċentri huma kumplimentati minn sit elettroniku u sett ta’ mobile apps bħala modi alternattivi kif wieħed jaċċessa s-servizzi governattivi f’servizz.gov.
Mill-one-stop-shops ta’ servizz.gov fil-ħames lokalitajiet jingħataw ‘il fuq minn 250 servizz filwaqt li fil-one-stop-shop ta’ servizz.gov li jinsab onlajn wieħed isib mat-800 servizz. Is-servizzi ta’ servizz.gov huma aċċessibbli wkoll permezz tal-mowbajl b’20 app fuq maltapps. Barra minn hekk, is-servizz jingħata permezz tat-telefown fuq in-numru 153 li fuqu jsiru mat-28,000 telefonata fix-xahar, u permezz tal-imejl fuq servizz@gov.mt.
Servizz.gov jipprovdi wkoll servizzi għan-negozji permezz tal-one-stop-shop Business 1st li jinsab fl-Imrieħel.
Ella Walding ġabret il-konklużjonijiet tagħha f’teżi li toffri mudell, jew toolkit, li jiffaċilita titjib fl-operat ta’ servizz.gov. Il-professur tagħha esprima l-fehma li l-proġett kellu jkun nominat għas-Service Design Award, kif fil-fatt ġara.
Il-proġett issa jinsab fost l-14-il finalist minn madwar id-dinja li qed jikkompetu għall-unur din is-sena. Il-fatt li l-proġett intgħażel minn ġurija internazzjonali biex ikun fost il-finalisti huwa diġà fih innifsu garanzija ta’ professjonaliżmu u kwalità. Ir-rebbieħa fit-tliet kategoriji tas-Service Design Award jitħabbru fit-2 ta’ Novembu, meta f’Madrid issir is-Service Design Global Conference.
L-istess proġett kien nominat ukoll għas-Service Design Fringe Festival Awards, fejn kien imfaħħar ħafna.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li l-aktar ħaġa importanti mhix jekk il-proġett dwar servizz.gov jirbaħx il-premju jew le. L-importanza u s-sodisfazzjon jinsabu fil-fatt li l-proġett ġie nominat għall-premju.