Malta preżentat proġett lin-Nazzjonijiet Magħquda li għandu jħejji lill-ġenerazzjonijiet futuri kif jgħixu fil-paċi, f’soċjetà multikulturali b’reliġjonijiet u kulturi differenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti u r-Rappreżentant Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Alleanza taċ-Ċiviltajiet, il-Ministru Evarist Bartolo qal li hemm bżonn li nifhmu aktar il-kulturi ta’ xulxin.
Għaldaqstant, grupp ta’ akkademiċi Maltin ħadmu fuq proġett li għandu jrawwem liċ-ċkejknin sa minn età bikrija ħafna, kif ikunu tolleranti għall-ideat ta’ xulxin.
Il-Ministru Evarist Bartolo stqarr: “Ilna naħdmu fuq proġett fejn minn età żgħira, it-tfal jifhmu iżjed ir-reliġjon tagħhom u reliġjonijiet oħra ispirati minn poeta Lebaniż li kien jgħid li r-reliġjonijiet differenti huma s-swaba’ differenti tal-istess id li biha tipprova tifhem l-eżistenza u li l-ħajja tiegħek jkun fiha tifsira.”
Ir-Rappreżentant Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Alleanza taċ-Ċiviltajiet faħħar ir-relazzjoni ta’ Malta mal-Ġnus Magħquda u qal li fil-proġett preżentat minn pajjiżna, jara l-potenzjal li jkun implimentat fuq skala internazzjonali.
Miguel Ángel Moratinos qal, “I think the project that has been presented by Malta is extremely timely and important because in this new world, a complex world, we have a reality, it’s a multicultural component of society – we like it or we dislike it, it’s like that and that’s the way to prepare new generations.”
L-Eċċellenza Tiegħu, Miguel Ángel Moratinos qal li bil-proġetti u l-ideat tiegħu, pajjiżna qed iħalli impatt madwar id-dinja u jonora l-istorja li għandu ta’ diplomazija.
Qal li huwa ta’ unur għall-Ġnus Magħquda li jaħdmu ma’ akkademiċi u esperti Maltin fis-settur tal-edukazzjoni, u tenna l-impenn tiegħu li jagħti r-riżorsi u l-appoġġ meħtieġ biex dan il-proġett isir realtà mhux biss għal Malta imma għall-Mediterran u d-dinja.
Huwa sostna: “Malta has a longstanding experience in international cooperation. You are very well-places geographically, your history, your people, the human resources, the rule of law, all the elements that bring to Malta the condition for deploying what I would say a diplomacy of the 21st century.”
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll kwistjonijiet importanti fuq l-aġenda internazzjonali, fosthom il-pandemija u l-immigrazzjoni.