Tnieda proġett li permezz tiegħu ser tkun qegħda tavvanza l-irkupru tal-pazjenti ortopediċi meta parti sostanzjali mill-għadam ikun nieqes.
Dan il-proġett bl-isem ta’ Bio Sa u li jinvolvi l-użu ta’ teknoloġija avvazata huwa huwa ffinanzjat mill-Programm Fusion tal-R&I, u huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) b’fond ta’ madwar €200,000.
Permezz ta’ dan il-proġett li se jnaqqas ukoll in-nefqa fis-settur mediku, il-proċess ta’ fejqan għall-pazjenti li jkollhom għadam nieqes ikun jinvolvi li ssir forma ta’ struttura magħrufa bħala scaffold biex isservi t’appoġġ għan-nuqqas ta’ għadam li jkollhom.
L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li ssolvi diversi problemi li jinħolqu waqt il-proċess tal-mili tal-għadam billi l-iscaffold ikun maħluq b’livell ta’ bijodegrabilità kontrollabbli u speċifiku għall-pazjent.
Il-Professur Joseph Buhagiar mill-Università ta’ Malta li ħadem qatigħ f’dan il-proġett b’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei stqarr li dan il-proġett sar f’perjodu ta’ madwar tlett snin u nofs.
Huwa spjega b’mod tanġibbli kif jaħdem dan il-proċess ta’ fejqan.
‘’Prattikament dan l-implant li jiġrilu hu li jibda jiddegrada bil-ħin u bil-mod il-mod jiġi mibdul mil-għadma allura il-piż tal-bidu jieħdu l-implant tagħna u wara ċertu żmien x’ħin l-implant ma jibqax jeżisti l-għadma tiġi minfloku.’’
Ic-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando kompla fejn ħalla l-Professur Buhagiar u qal li dan il-proġett mhux biss ser ikun qiegħed jgħin lil pazjenti, iżda wkoll fl-industrija tas-saħħa pubblika.
‘’Proġett li kien ta’ ħafna suċċess u għandu l-potenzjal li jwassal għal żviluppi interessanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura ortopedika.’’
Preżenti għal konferenza kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ proġetti bħal dawn għall-iżvilupp ta’ pajjiżna għax b’hekk ikun assigurat li bħala nazzjon nagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Temm jgħid kif dawn il-proġetti jwasslu wkoll sabiex jiffaċilitaw il-professjoni ta’ diversi individwi fis-settur tal-mediċina u kif ukoll itejbu l-kwalità tas-servizz mediku.