Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, inawgura proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla. B’investiment ta’ ftit inqas minn nofs miljun ewro, dan il-proġett ra binja abbandunata tinbidel f’akkomodazzjoni soċjali mill-isbaħ fil-qalba tal-komunità.
Il-Ministru spjega x-xogħol estensiv li kellu jsir biex din ġiet irranġata, waqt li wkoll ittella’ sular ġdid biex inħolqu tliet appartamenti ġodda għal familji li jeħtieġu l-appoġġ.
“L-Awtorità tad-Djar mhux biss qiegħda tibni appartamenti ġodda, imma għandna skop ewlieni wkoll li dawk il-binjiet antiki u abbandunati ta’ importanza storika, nerġgħu nagħtuhom il-ħajja mill-ġdid u anke nrodduhom lura lill-komunità. Hawnhekk f’Bormla, din id-dar żgħira rranġajniha f’numru ta’ appartamenti biex b’hekk binja li tmur lura sa minn żmien il-Kavallieri, issa qed tiġi rijabilitata għal skop soċjali u ħa tkompli tiżdied mal-istokk ta’ djar li se jkollha l-Awtorità tad-Djar.”
Hu nnota wkoll kif, filwaqt li sar ix-xogħol meħtieġ, inżammew il-karatteristiċi kollha tal-binja storika, inkluż il-bir tipiku antik li nstab.
Dan il-proġett, li sar b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Housing Maintenance and Embellishment Ltd, se joffri kwalità ta’ ħajja aħjar lill-benefiċċjarji.
Il-Ministru qal li l-proġett intlaqa’ tajjeb ferm mir-residenti tal-lokal, hekk kif illum minn binja abbandunata, ingħatat ħajja ġdida b’estetika mill-isbaħ u b’għan soċjali mill-aktar importanti.
Dan hu biss wieħed minn sensiela ta’ proġetti simili u anke ferm akbar, li jixhdu l-ħidma bla waqfien li qiegħda titwettaq biex spazji bħal dawn jiġu trasformati f’assi nazzjonali li jkunu ta’ ġid għas-soċjetà kollha.
Galdes enfasizza r-rieda kontinwa tal-Gvern Laburista li jkompli jaħdem favur akkomodazzjoni soċjali, affordabbli u dinjituża għall-poplu kollu.
“Hu importanti ħafna li mhux biss inkomplu nibnu biex ikollna aktar stokk adegwat għal nies vulnerabbli, imma wkoll nirrestawraw dak li hu ta’ ġid komuni tagħna, dak li hu ta’ bżonn ukoll soċjali u storiku għal pajjiżna.”