Il-proġett bl-isem BLUEfasma wasal fit-tielet u l-aħħar stadju tiegħu.
Matul dan il-proġett, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura organizzat tliet avvenimenti fejn fost l-oħrajn ġie spjegat il-kunċett lill-imsieħba soċjali.
Il-konsulent għall-Ministeru għas-Sajd, Alicia Bugeja Said spjegat kif dan il-proġett ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali permezz tal-Programm Interreg qed jesplora l-potenzjal li għandu pajjiżna sabiex joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda fuq l-akwakultura.
Hija qalet, “Flimkien qiegħdin nibnu l-kunċett tal-ekonomija l-blu u l-ekonomija ċirkolari ta’ diversi setturi. Qed nitkellmu fuq is-sajd, qed nitkellmu fuq l-akwakultura sabiex anke noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda.”
Il-Ministru għas-Sajd Anton Refalo, li attenda għal konferenza organizzata mid-Dipartiment spjega kif l-għan tal-proġett BLUEfasma huwa li jsaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji, tas-sajjieda, ta’ gruppi marittimi u networks fil-gżejjer Mediterranji u ż-żoni kostali, biex jappoġġjaw it-tkabbir tal-ekonomija ċirkolari blu fis-sajd u l-akkwakultura.
Huwa stqarr: “Importanti għal żewġ modi, l-ewwel nett isaħħaħ il-wirt kostali tagħna, huwa importanti ħafna u wkoll inaqqas l-iskart tas-sajd.”