Wied Għomor hu wieħed mill-widien li minnu bdiet tinġabar informazzjoni bħala parti minn proġett wiesgħa li għandu l-għan li jħares l-ambjent naturali tal-gżejjer Maltin, b’mod partikolari r-riżorsa naturali tal-ilma.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi qal li l-proġett għandu importanza strateġika fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma. Dan bl-iskop li Malta tlaħħaq mad-domanda għall-ilma filwaqt li tassigura l-użu sostenibbli ta’ din ir-riżorsa.
Il-proġett, Life River Basin Management Plans, beda ftit aktar minn sena ilu bl-entità Ambjent Malta se tkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proġett.
Il-Prinċipal Xjentifiku ta’ Ambjent Malta Alex Borg Galea qal li r-riżultat finali tal-istħarriġ se jara l-iżvilupp ta’ 11-il masterplan u linji gwidi tekniċi għal numru ta’ widien.
“Se nibdew nagħmlu surveys, bdejna issa minn Frar, u se ndumu sena. Se niġbru informazzjoni dwar l-idroloġija u dwar l-ekoloġija u l-biodiversità anke l-użu tan-nies fil-widien. Din l-informazzjoni mbagħad se tgħin biex niżviluppaw masterplans u technical guidelines għal numru ta’ widien, tista’ tgħid il-maġġoranza tal-widien, f’malta u għawdex li se jiġu rrappreżentati fi 11-il catchment,” qal is-Sur Galea.
Dan il-proġett se jikkunsidra l-ilma fil-widien, l-ilma tal-pjan, l-ilma tal-baħar kif ukoll il-produzzjoni tal-ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis u tan-New Water.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ddeskriva l-widien bħala l-pulmun tal-pajjiż.
“Qed isir dan l-istudju biex wieħed jara kif l-aħjar l-istream tal-ilma u l-encachment tal-ilma jiġi ppreservat għax sfortunatament matul is-snin minħabba l-iżvilupp u l-indħil tal-bniedem saret ħsara f’dan ir-rigward,” saħaq il-Ministru.
Qal li kif jintemm l-istudju, se jintgħażlu żewġ widien, fosthom Wied Għomor bħala proġett pilota biex jiġu implimentati interventi indikati mir-rapport.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-programm LIFE hu l-għodda finanzjarja Ewropea biex tgħin lil Malta tilħaq il-miri ambjentali.
Huwa qal li “Dan huwa proġett li qed ikun iffinanzjat fost ħafna proġetti oħrajn u tajjeb ngħid li dawn huma fondi ewropej illi żżomm il-kummissjoni ewropea, allura hemm mod kompetittiv kif il-pajjiż irid jikkompeti ma’ pajjiżi oħrajn biex nagħmlu proġetti, proprju bħal dawn li qed naraw illum.”
Qal li l-proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE qed jikkontribwixxu għan-natura, bijodiversità, ekonomija ċirkulari, u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.