B’investiment ta’ tliet miljun ewro, x-xogħol fil-faċilità tal-isport akkwatiku tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar għaddej ġmielu u mistenni jitlesta fil-ħin għall-istaġun tas-sajf.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli għall-Ambjent, Aaron Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-lant tax-xogħol.
Qal kif dan il-kumpless se jinkudi iżjed minn pixxina waħda, fejn il-pixxina prinċipali se tkun it-tieni l-ikbar waħda f’Malta.
Se jkun hemm ukoll pixxina fejn it-tfal jistgħu jitħarrġu kif ukoll pixxina fuq ġewwa bi tliet korsiji.
Dan se jassigura li t-taħriġ tal-atleti jkun jista’ jsir matul is-sena kollha.
Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia spjega li l-flus għal dawn il-fondi ġejjin mit-tariffi li żviluppatur iħallas meta l-parkeġġ fuq il-post ma jkunx previst meta jingħata l-permess ta’ żvilupp.
Kif ukoll permezz tal-persentaġġ mill-miżati mal-applikazzjoni ta’ regolarizzazzjoni.
Il-Ministru Farrugia qal, “Dan huwa finanzjament mill-Awtorità tal-Ippjanar permezz tad-Development Planning Fund illi permezz ta’ dan il-fond qegħdin niffinanzjaw proġetti kemm soċjali, kemm ambjentali imma kif qegħdin naraw ukoll l-ewwel proġett sportiv.”
Żied jgħid li dan il-fond, li ġie riformat is-sena l-oħra, jipprovdi appoġġ lill-Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux governattivi, fost oħrajn, sabiex dawn ikunu proattivi u jilħqu l-miri tal-proġetti tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Fond tal-Pjan tal-Iżvilupp, il-Perit Vincent Cassar qal li dan kien l-ewwel proġett fejn inħarġu fondi marbuta mal-isport.
Huwa stqarr: “Nispera li jkun hemm għaqdiet sportivi oħrajn illi jiġu wkoll bil-proġetti tagħhom. Dawn kollha joħolmu li xi darba jkollhom il-proġett tagħhom u jkollhom il-kumpless tagħhom. Il-flus qegħdin hemmhekk disposti għalihom u allura nistennew illi jkollna iżjed konkorrenza biex inkunu nistgħu nniedu dawn il-proġetti sportivi.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima aċċenna li l-klabb tas-Sirens jagħti taħriġ lil iżjed minn tliet mija u ħamsin atleta li jikkompetu fuq livell internazzjonali.
Huwa sostna: “Qegħdin naraw li jkun hemm investiment f’dik li hija infrastruttura sportiva li allura ħa tagħmel differenza fil-prestazzjoni tal-atleta kif ukoll nagħmlu differenza f’dik li hija l-ħajja tal-komunità.”