F’diskors li għamel waqt iż-żjara tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella stqarr kif din kienet żjara wkoll simbolika tal-apprezzament li pajjiżna għandu lejn ix-xogħol li jagħmlu li l-ħaddiema tal-Freeport.
Qal, “Nafu illi anke matul il-Covid li għaddejna minnha, hawnhekk xorta baqa’ għaddej bid-diffikultajiet li nħolqu, iżda xorta baqa’ għaddej biex jipprovdilna l-affarijiet li kien ikollna bżonn ta’ kuljum.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega kif fl-ewwel tmien xhur tas-sena li għaddiet daħlu 1,010 vapuri filwaqt li din is-sena fl-ewwel tminn xhur kien hemm żieda ta’ 150 vapur.
Huwa nnota wkoll l-investiment ta’ għoxrin miljun ewro fuq żewġ krejnijiet ġodda li jarmu inqas emissjonijiet.
Stqarr kif fi żmien pandemija l-Gvern daħal forċina wkoll għal madwar 2,000 ħaddiem li jaħdmu fil-Port Ħieles.
Spjega, “Minn hawnhekk fil-fatt jgħaddu 85% tal-affarijiet li jkollna ġewwa l-pajjiż u allura għalhekk din l-attività hija attività essenzjali sabiex il-pajjiż ikompli għaddej, kemm mill-aspett soċjali ta’ ħajja normali, iżda wkoll l-aspett ekonomiku. Kien għalhekk importanti li anke waqt il-pandemija rajna kif intervjenejna b’mod partikolari bil-Covid Wage Supplement li dawn il-ħaddiema bbenefikaw ’il fuq minn miljun ewro f’sapport sabiex żammew il-ħaddiema, ħalli eventwalment kif issa qed naraw li l-attività kompliet terġa’ tirpilja anke f’din iż-żona, l-ħaddiema kellhom il-post tagħhom assigurat.”
Il-Ministru Schembri nnota kif skatta l-proċess sabiex b’investiment li kważi jlaħħaq il-15-il miljun ewro isir il-proġett tal-Onshore Power Supply sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-ħsejjes.
Dan filwaqt li fakkar kif minn fond ta’ Corporate Social Responsibility amministrat mill-Malta Freeport Terminals u Malta Freeport Corporation, kull sena jiġu mqassma mitt elf ewro fil-komunità, fosthom l-iskola ta’ Birżebbuġa u persuni fil-bżonn residenti f’Birżebbuġa wkoll.
Il-Ministru Schembri spjega wkoll li fiż-żmien li ġej se jiiħabbar investiment massiċċ ieħor għall-ġid ta’ Birżebbuġa wara li fi Frar li għadda beda xogħol fuq parkeġġ ġdid b’investiment ta’ tliet miljun ewro.