Wara li lbieraħ il-ġurnal influwenti Politico rrapporta kritika ġdida li għamel lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, il-grupp internazzjonali kontra l-korruzzjoni, Transparency International EU, ngħaqad ma’ din il-kritika wkoll il-Professur tal-Liġi Ewropea Alberto Alemanno. Il-Prof. Alemanno huwa wkoll il-fundatur tal-organizzazzjoni The Good Lobby.
It-Transparency International EU wissiet lil Metsola wara li hija ddikjarat f’reġistru uffiċjali tad-deputati tal-Parlament Ewropew għadd kbir ta’ rigali li rċeviet kemm ilha fil-kariga wara li kien skada ż-żmien biex id-deputati Ewropej jagħmlu dan.
Skont il-Politico, din id-dikjarazzjoni ta’ Metsola kixfet kemm ir-regoli tal-PE dwar it-trasparenza huma limitati. Il-ġurnal ikkwota lill-Uffiċċju ta’ Metsola jargumenta li d-data tal-għeluq li tapplika għad-deputati Ewropej l-oħrajn ma tapplikax għaliha għax hija l-President. Madanakollu, tosserva l-gazzetta, it-tim ta’ Metsola ma kienx f’pożizzjoni li jgħid fejn hi miktuba din l-eżenzjoni.
“Dan juri li s-sistema mhix taħdem,” wissa d-direttur tat-Transparency International UE, Michiel van Hulten. “Ma tistax tħaddem sistema ta’ etika fuq il-bażi ta’ regoli mhux miktubin.”
Min-naħa tiegħu, il-Prof. Alberto Alemanno kiteb fuq it-Twitter li, ġaladarba, kif inhi s-sistema bħalissa, il-President tal-Parlament Ewropew hija l-unika inforzatur tar-regoli tal-etika, hija trid tkun eżemplari fl-imġiba tagħha.
Huwa ddeskriva l-kwistjoni tad-dikjarazzjoni li ma tirrispettax id-data sa meta setgħet issir bħala “storja oħra li turi xejra ta’ mġiba ħażina li tagħmilha (lil Metsola) kulturalment u politikament mhux tajba biex issewwi l-ħsara li saret mill-iskandlu tal-Qatargate”.
Fil-ġimgħat li għaddew il-Parlament Ewropew ħa daqqa kbira fil-kredibbiltà tiegħu wara li faqqa’ l-Qatargate, bil-pulizija Belġjana tinvestiga allegazzjonijiet li esponenti ewlenin tal-PE kienu involuti f’korruzzjoni u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
Fix-xhur li għaddew, il-Prof. Alemanno kkritika lil Roberta Metsola minħabba l-ftehim sigriet li sar biex dak li kien iċ-Chief of Staff tagħha, Alessandro Chiocchetti, jitpoġġa bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew minflok kandidati aktar kwalifikati minnu.
Dwar ir-reazzjoni ta’ Metsola għall-Qatargate, il-Prof. Alemanno qal li ċ-ċaqliq żgħir li qed tipprova tagħmel mhux se jirnexxilu jindirizza bis-serjetà n-nuqqasijiet li jeżistu fl-istrutturi tal-Parlament Ewropew biex dan jimxi b’iżjed etika u governanza. Huwa ma qabilx ma’ Metsola li Qatargate huwa attakk fuq id-demokrazija Ewropea, u qal li din is-sitwazzjoni l-Parlament ġabha fuqu nnifsu billi storikament dejjem irreżista regoli ta’ integrità u sistemi ta’ infurzar effettivi.