Professur mill-Universita ta’ Bournemouth li ġie Malta biex janalizza t-tieqa tad-Dwejra xejn ma kellu aħbarijiet sbieħ.
Donnu din it-tieqa li tiġbed lejha eluf ta’ turisti u min jaf kemm serviet ta’ sfond għal ritratti mill-isbaħ hija destinata biex xi darba ta’ tibqa tieqa xejn. Kemm baqa’ biex dan isir ma nafux, pero l-Professur Vincent May li għadda tliet ijiem f’Malta jistħarreġ dwar dan il-ġmiel naturali qal li x-xquq huma kbar.
L-istudju tal-Professur May se jiffoka fuq il-ġeoloġija u se ssir analiżi wkoll dwar x’inhu s-sors primarju li qed jikkawża l-ħsara tat-Tieqa tad-Dwejra. Għall-Professur May din mhijiex l-ewwel żjara f’San Lawrence. L-ewwel waħda tieħdu lura ħafna fis-snin.
Din id-darba l-Professur May ġie Malta wara talba li saret mill-Ministeru għal Għawdex, bil-għajnuna tal-Uffiċċju tal-UNESCO għal Malta. Dan talab ukoll l-għajnuna tal-World Heritage Center, fi ħdan il-UNESCO.
Primarjament il-Professur May huwa mistenni jgħid kif tista’ titnaqqas il-ħsara li qed issir. Għalkemm sa issa kemmex biss xuftejh.