“Għaliex tpoġġi f’riskju l-ħajja tal-omm meta r-riżultat huwa l-istess?”
Kien dan is-sentiment tal-Professur tal-mediċina tal-familja u d-drittijiet tal-pazjent, Pierre Mallia.
Huwa esprima l-pożizzjoni tiegħu f’artiklu ta’ opinjoni f’The Sunday Times, b’rabta mal-emenda li qed jipproponi l-Gvern fil-kodiċi kriminali, li tipproteġi l-professjonisti u saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala tal-istess omm li jwasslu għal sitwazzjoni ta’ riskju għal ħajjitha jew saħħitha f’periklu gravi.
Fl-artiklu tiegħu, il-Professur Mallia jaċċenna għal sitwazzjoni personali fejn sema’ pazjenti jgħidu kif kienet l-aħħar doża ta’ morfina li qatlet lill-qraba tagħhom li kienu rikoverati l-isptar.
Hawnhekk, il-Professur Pierre Mallia qal li dan għadda minnu hu personalment u staqsa għaliex għandu jkun hemm il-possibiltà li hu jittella’ l-Qorti għaliex sempliċiment qed jaqdi dmiru u jagħmel xogħlu.
Il-Professur Pierre Mallia faħħar ukoll lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru għall-impenn tagħhom biex ikomplu jiddiskutu din l-emenda għall-kodiċi kriminali ta’ Malta.
Il-Professur Mallia mhux l-uniku professjonist li saħaq fuq l-importanza ta’ din l-emenda, li tassigura li ħajjet l-omm tiġi protetta filwaqt li tħares ukoll lit-tobba.
It-tabib tal-familja Dr Jan Chircop, waqt il-programm tal-analiżi tal-gazzetti Paperscan fuq ONE, tkellem dwar in-nuqqas ta’ serħan il-moħħ li qed jaħdmu bihom it-tobba f’dawn is-sitwazzjonijiet.
Dan filwaqt li spjega l-parametri ċari li fihom tista’ ssir proċedura taħt din l-emenda.
Qal, “Il-kura ta’ kwalunkwe każ mediku, going forward,, irid ikun maqbul bejn iż-żewġ partijiet. Mingħajr dak il-qbil ma jistax isir. Jiġifieri kif qed tgħid inti, ma tistax tiġi omm u tgħidlek, ‘Irrid nittermina t-tqala tiegħi għax qabditni ħafna ansjetà’. Mhuwiex il-każ. Għaliex intużat ħafna din il-kelma dan l-aħħar u hija sfortuna li hemm min qed jinqeda b’din il-kundizzjoni ta’ nies li qed ibatu ħafna u fl-istess ħin mhijiex relevanti.”