Fil-Parlament kompla jinstema’ mill-esperti kif diġà jkunu preskritti mediċini li għandhom l-istess effett ta’ kontraċettiv ta’ emerġenza, jew f’kelma oħra l-morning after pill.
Il-Professur Pierre Mallia, meqjus bħala espert fl-etika, qal li hu għandu problema morali bil-‘coil’ li huwa kontraċettiv għal mara li f’pajjiżna jintuża regolarment. Mistoqsi jekk għandux problema bil-Morning After Pill fisser li jekk il-mara tmur għandu kmieni, qabel ikun hemm l-ovulazzjoni, ikun lesti li joffriha.
“M’għandiex problema morali ntiha jekk tiġi l-għada,” qal il-Professur Mallia. Fuq kollox, il-Professur Mallia ddikjara: “Mhux kwistjoni ta’ kuxjenza biss. Iżda x’għandha tkun il-kura lejn il-mara.”
Mallia, li kien kawt f’ħafna mill-ħin, u li saħansitra qal li ma jridx jidher jieħu naħa jew oħra sostna li ma ltaqax ma studji li juru li din il-pillola hija abortivva kif kien hawn min iddikjara. “M’hemmx evidenza li tinterferixxi fl-implantazzjoni,” qal il-Professur Mallia li fuq kollox sostna li għandu jkun hemm xjentifiku li joħroġ b’rapport dwar il-każ.
Fil-kumitat kien mistoqsi dwar kemm din hi kwistjoni delikata u kemm wieħed m’għandux jgħaġġel. Qabel li din hija kwistjoni delikata imma żied li mhijiex xi ħaġa li tista’ tibqa tkun posposta.
Fl-ewwel laqgħa dwar l-emergency contraception li saret mill-kumitati parlamentari konġunti tas-saħħa, familja u dak tal-affarjiet soċjali 3 xjentisti b’esperjenza fil-qasam u indipendenti minn xulxin kollha qalu li ma hemm ebda prova jew ħjiel xjentifiku li jgħid li l-MAP, meta tingħata, tinterferixxi fl-impjantazzjoni tal-embrijuni jekk il-konċepiment ikun seħħ. Dawn kienu l-Professuri Anthony Serracino Inglott, Mark Brincat u Victor Grech.