Hekk kif il-Gvern ftit tal-jiem ilu ħabbar il-viżjoni tiegħu għas-snin li ġejjin, kienu bosta li faħħru l-element ambjentali li fuqu hija msejsa din il-viżjoni.
Il-viżjoni ekonomika tal-Gvern hija msejsa fuq ħames prinċipji differenti, b’wieħed minnhom jgħid li sal-elfejn u ħamsin Malta tkun ħielsa mit-tniġġis tal-karbonju, b’miri intermedjarji li jintlaħqu kull għaxar snin.
Il-Professur Simone Borg, Kap tad-Dipartiment tal-liġi ambjentali fi ħdan il-fakultà tal-liġi fl-Università ta’ Malta, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-prinċipju hekk kif spjegat li Malta hija minn tal-ewwel fl-Ewropa li ser tindirizza din il-mira li hija punt importanti ħafna mit-trattat ta’ Pariġi. Liema trattat pajjiżna huwa firmatorju tiegħu.
Hija qalet: “Ta’ min jgħid li Malta hija waħda mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li hija determinata anke minkejja l-Covid-19 li tibqa’ miexja f’din id-direzzjoni u tasal b’dawn il-miri mingħajr ħadd ma jaqgħu lura.”
Fl-isfond li fil-laqgħa tal-Kabinett tal-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru Robert Abela ġannat l-ambjent u l-ekonomija flimkien, fejn semma inċentivi tanġibbli fuq it-trasport li jnaqqas it-tniġġis, il-Professur Borg spjegat xi tfisser il-ħelsien mit-tniġġis tal-karbonju.
Il-Prof. Borg sostniet: “Li tkun qed tagħmel tnaqqas l-emmissjonijiet u fl-istess ħin ittejjeb dawk ir-riżorsi naturali li jassorbu anke l-carbon dioxide u l-emmissjonijiet serra.”
Il-Professur fil-liġi ambjentali spjegat ukoll kif minkejja li l-Gvern għandu rwol importanti li jħejji l-infrastruttura tal-pajjiż sabiex jimbotta l-quddiem il-ħelsien mit-tniġġis tal-karbonju, kull wieħed u waħda minna rridu nagħmlu l-parti tagħna biex nikkontribwixxu fit-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja.
Hija saħqet: “Innaqqsu kemm jista’ jkun l-użu tal-karozza privata, li ma naħlusx enerġija, jekk hawn mezzi biex inkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex ma jkunx hawn ħela tal-ilma eżempju. Dawn huma kollha għażliet personali mbagħad.”