Il-fibra. Ingredjent kruċjali ferm f’diversi tipi ta’ ikel li għandna bżonnu biex ġisimna jiffunzjona tajjeb. Iżda sfortunatament jidher li f’Malta hawn nuqqas ta’ għarfien dwar l-importanza ta’ dan in-nutrijent, hekk kif l-aħħar ċifri li kiseb id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard juru li l-maġġoranza assoluta ta’ Maltin u Għawdxin mhux jinkludu biżżejjed fibra fid-dieta tagħhom.
Dan filfatt xpruna kampanja ta’ għarfien mill-istess Direttorat. Lucianne Pace li l-professjoni tagħha hija ta’ nutritionist qalet “għaliex nafu anke minn statistiċi li mhux nieħdu biżżejjed minn din il-fibra li ġisimna għandu bżonn biex jibqa’ b’saħħtu. Nafu li hemm diversi modi ta’ kif taħdem il-fibra fil-ġisem u li hemm differenti ta’ fibra li flimkien jipproteġu aspetti differenti tas-saħħa tagħna.”
Il-professjonista tan-nutrizzjoni spjegat li l-aħjar mod ta’ kif wieħed iżid il-fibra b’mod naturali fid-dieta huwa li jinkludi iżjed frott taċ-ċitru u lumi, għaġin u ross aħmar, legumi u żrieragħ.
Spjegat ukoll il-funzjoni tal-fibra f’ġisem il-bniedem “Per ezempju jirregolaw iz-zokkor u x-xaħam fid-demm. Jirregolaw ukoll sustanzi li jinġemgħu fil-ġisem u allura jgħin biex neħilsu minnhom. Tgħin kontra l-constipation ukoll.”
Iżda bħal kull ħaġa fin-nutrizzjoni, il-fibra ma tistax taħdem waħedha. Il-kampanja ta’ għarfien li d-Direttorat nieda f’Novembru se tibqa’ għaddejja għal sena sħiħa, u bi ħsiebha tolqot kemm jista’ jkun persuni permezz ta’ fuljetti informattivi dwar il-fibra li huma disponibbli fiċ-ċentri tas-saħħa u fl-isptarijiet, fil-kunsilli lokali, u fl-iskejjel.