Wieħed mill-aktar xandara popolari, ITV, għażel lil pajjiżna biex jipproduċi programm televiż ta’ logħob fl-ilma. Dan il-programm se jkun jismu ‘Cannonball’. ITV diġa’ ħareġ l-applikazzjonijiet għal dawk il-parteċipanti li jixtiequ jikkontestaw. Din il-produzzjoni se tkun qed issir fil-Malta Film Studios tal-Kalkara.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li s-sena bdiet tajjeb ħafna hekk kif pajjiżna se jerġa’ jkun qed jospita aktar produzzjonijiet ta’ livell ogħli. Huwa spjega li l-industrija tal-films qed tiġġenera miljuni fl-ekonomija Maltija fi ftit żmien. Malta se tkun ukoll qed tiġi esposta għar-reklamar filfatt fis-sejħa għall-parteċipanti, r-reklam jgħid li l-produzzjoni se tkun qed issir “in stunning Malta.”
Il-Kummissarju għall-films, Engelbert Grech, qal li l-viżjoni tal-Kummissjoni għall-films hija li l-għażla tal-produzzjonijiet li jsiru f’pajjiżna tkun waħda diversifikata. Huwa spjega li produzzjoni bħal Cannonball, jirrikjedu l-istess infrastruttura li jirrikjedi films kbar. Huwa elenka li dawn il-produzzjonijiet joħolqu ukoll impjiegi għan-nies lokali.