Produzzjoni tabilħaqq b’differenza. Dan huwa l-iktar aspett li jiġbed l-għajn meta tisma’ bil-produzzjoni teatrali ġdida ‘Għanqbut f’Moħħha’.
‘Għanqbud f’Moħħha’ se ssir fil-weekend li ġej fil-Campus Theatre fil-Belt Valletta u l-udjenza se tkun tista’ jaraw xeni ftit differenti minn tas-soltu.
Dan il-proġett tfassal mill-awturi stess. ONE News żar lill-dawn l-atturi waqt il-provi, ftit jiem qabel ma jibda l-proġett finali.
Tkellimna mad-direttur ta’ din il-produzzjoni, Tyrone Grima, dwar x’hemm differenti f’din il-produzzjoni minn dak li wieġed isib fi produzzjonijiet teatrali oħrajn.
Qal, “Is-soltu, ġeneralment, se jkollok skript u l-atturi flimkien mad-direttur, se jaħdmu fuq l-iskript. Hawnhekk ħadna xejra naqra iktar differenti. F’dan il-każ bdejna l-proċess tagħna, jiena u ħames atturi li qed jaħdmu miegħi. L-ewwel ħaġa li għamilna hija li għażilna l-istorja, novella ta’ Henry James. Imbagħad, li għamilna, qisna użajna temi minnha u bdejna nużaw l-immaġinazzoni tagħna biex noħolqu xeni oħra.”
L-istorja ta’ din il-play iddur mal-attriċi prinċipali Isabel, li reġgħet fetħet il-ħanut tal-antikitajiet tan-nanniet tagħha li kienu ilu magħluq għal ħafna żmien. Imma l-iħirsa tal-imgħoddi għadhom iħufu.
Tryone spjega li l-misteru huwa t-tema prinċipali u ma nafux jekk dawk il-misteri hux qed iseħħu tassew, jew huma biss għanqbut f’moħħna.
Qal, “It-tema tal-biża’ u tas-sopranaturali importanti ħafna f’din il-play, però aħna morna lil hinn minnha għax hemm ukoll ix-xewqa tal-intimità, li aħna l-bnedmin għandna li nidħlu ġo relazzjonijiet ma’ xulxin imma ta’ ċerta profondità. Imma saffrattant xorta nibżgħu minnu, jiġifieri għandek parallel tas-sopranatural u l-misteru li ġara ġo dan il-ħanut u fl-istess ħin il-ħajja intima ta’ Isabelle.”
Miguel Formosa, attur li qiegħed jieħu sehem f’din il-produzzjoni tkellem dwar xi jsarraf il-karattru tiegħu.
Qal, “Naħseb bħala karattru għandi l-iktar wieħed li huwa misterjuż minnhom kollha. Kważi kważi hemm xi informazzjoni li anke jien qgħadt ’il bogħod minnha biex qisni ngħid, ‘M’hemmx affarijiet konkreti, m’hemmx informazzjoni li nista’ nkun naf’, anke forsi biex l-udjenza timla dak il-vojt hi.”
Sarah-Lee Zammit, attriċi oħra f’din il-produzzjoni, qalet li xogħolhom huwa li jitrażmettu dak li jagħtihom l-ispazju lejn l-udjenza.
Qalet, “Għalija x-xogħol tal-performer huwa li jagħti lilu nnifsu kompletament għax-xogħol li qed jagħmel u dan ix-xogħol qed jagħtina dan l-ispazju biex inkunu nistgħu nagħmlu proprju dan. Allura, m’għandix dubju li l-udjenza, meta tiġi hawnhekk, se tkun tista’ tirrelata mal-karattri u tmur fuq dan il-vjaġġ magħna li qed nesperjenzaw f’dan ix-xogħol teatrali.”
Din il-produzzjoni qed issir bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-MCAST.