Pajjiżna bħalissa qed jospita l-cast tal-produzzjoni ċinematika Ingliża ‘The Good Ship Murder 3’.
Din il-produzzjoni għandha baġit ta’ sitt miljun ewro u, b’kollox, se tkun għamlet aktar minn xahar tiġbed f’pajjiżna f’postijiet varji, fosthom il-Belt, il-Mellieħa u l-Birgu.
Fil-preżenza tal-Ministru politikament responsabbli, Owen Bonnici, id-direttur tal-film, Steve Hughes, spjega kif din mhijiex l-ewwel darba li qed jiffilmja f’Malta.
Fil-fatt il-kumpanija tal-produzzjoni tiegħu qed tiffilmja f’pajjiżna għat-tielet staġun konsekuttiv u mistennija ġġib produzzjoni oħra minbarra din.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonnici nnota kif, b’dawn il-produzzjonijiet, pajjiżna qed ikompli jsaħħaħ l-industrija tal-film tiegħu fuq livell internazzjonali, filwaqt li qed jinħolqu aktar opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin li jaħdmu fl-industrija.