Is-serje televiżiva Ġermaniża ‘Das Boot’ mhux biss għamlet investiment ta’ 2.3 miljun ewro f’pajjiżna iżda qed tħaddem ukoll madwar 220 ħaddiem Malti.
Din il-produzzjoni, li tintwera fuq Sky One, se tkun il-ħdax-il waħda li qed tiġi ffilmjata f’pajjiżna din is-sena. Is-serje hija sequel għall-film bl-istess isem li ħareġ fl-1981, u hija bbażata fit-tieni gwerra dinjija.
Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech qal li l-investiment li għamel il-Gvern f’ din l-industrija mhux biss se jgħin ekonomikament iżda wkoll se joħloq bosta opportunitajiet.
Qal, “Din hija l-ħdax-il produzzjoni din is-sena f’pajjiżna. Qed naraw ħafna produzzjonijiet jagħżlu lil Malta u lil Għawdex u qed naraw iktar nies jidħlu f’din l-industrija. Il-pjan tagħna huwa li nkomplu nattiraw aktar produzzjonijiet; għadu mhux biżżejjed. Irridu aktar produzzjonijiet li jagħżlu lil pajjiżna biex b’hekk nibnu verament industrija sostenibbli ibbażata fuq karrieri.”
Il-produttur eżekuttiv ta’ ‘Das Boot’, Fabian Wolfart, qal li jinsab impressjonat bil-faċilitajiet li toffri Malta u qal li, meta mqabbel ma’ dak li sab f’pajjiżi oħra, Malta hi aħjar.
Qal, “We can do a lot of shots here without using CGI, so that means we don’t have to spend so much money on CGI and we can do everything here in the tank, and you have a great view. It’s amazing.”
Fabian Wolfart żied jgħid li l-faċilitajiet u l-ħaddiema Maltin dejjem kienu kapaċi jilqgħu għal kull sfida li affaċċjaw.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, irrimarka li din l-industrija toħloq bosta opportunitajiet għal dawk li għandhom interess dan il-qasam u qed tkompli tikkontribwixxi għal ekonomija aktar b’saħħitha.