Il-kurrikulu edukattiv fl-edukazzjoni kemm primarja, sekondarja u anke terzjarja f’Malta jara li jinkludi tagħrif lill-istudenti Maltin u Għawdxin dwar il-ħakmiet differenti li Malta għaddiet minnhom.
Ħafna jsemmu l-Ingliżi, il-Franċiżi u l-Għarab però ħafna drabi ftit nisimgħu dwar in-Normanni u l-Konti Ruġġieru.
Mit-28 ta’ Settembru dan mistenni jinbidel hekk kif produzzjoni Maltija bl-isem The Normans – msawwra mill-passjoni ta’ missier u iben, se tixħet dawl fuq l-impatt ta’ din il-ħakma min Normandija fit-Tramuntana ta’ Franza.
One News attenda għat-tnedija ta’ din il-produzzjoni ġewwa l-mużew tal-Imdina fejn hemmek tkellem ma’ Morris Micallef u ibnu Dr Chris Micallef, l-imħuħ wara din il-produzzjoni.
“Huwa feature documentary ta’ 91 minuta. Li għamilna aħna hija li nagħtu iktar informazzjoni fil-perjodi medjevali. Minn fejn oriġinaw in-Normanni, min kienu, x’effett ħallew fl-Ewropa imbagħad ovjament x’effett ħallew meta kienu hawnekk.” Stqarr il-Produttur.
Dr Micallef tkellem ukoll dwar ix-xogħol kollu minn wara l-kwinti biex ittellgħet din il-produzzjoni f’forma ta’ dokumentarju.
Filfatt huwa spjega kif disa’ xhur mis-sentejn li ttieħdu sabiex jitlesta’ dan il-proġett kienu ddedikati kollha għal riċerka estensiva.
“Wettaqna riċerka profonda fuq xogħlijiet magħrufin bħal Wettinger, il-Professur Vella, Luttrell u oħrajn u naħseb li l-għan tagħna huwa biex inkomplu nxerrdu l-kultura meta niġu biex nikkompetu f’festivals barra minn Malta u nuru x’għandu dan il-pajjiż.” Kompla jgħid il-Produttur.
Dr Micallef semma’ kif dan id-dokumentarju diġá rċieva għarfien barra minn xtutna partikolarment f’film festivals fl-Amerika hekk kif kklassifika fl-ewwel post għal-erbgħa darbiet kontra kompetizzjoni akkanita b’films ta’ livell għoli.
Mistoqsi dwar l-irwol tax-xenarju Malti f’dan id-dokumentarju, Micallef elenka wħud mill-postijiet madwar Malta li ntużaw.
“Użajna ħafna xenarji u hekk tal-Imdina. Nagħtu ħarsu lejn l-affarijiet sikolu normanni Ħal Millieri pereżempju ukoll. Użajna xeni oħrajn bħal pereżempju in-naħat ta’ Wied ir-Rum fejn qiegħad located mal-leġġenda u Miġra l-Ferħa l-Imtaħleb.” Ikkonkluda l-Produttur Micallef.
Id-dokumentarju ser jintwera fuq l-istazzjoni One fit-28 ta’ Settembru fid-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija.