Minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu madwar id-dinja minħabba l-pandemija tal-Covid-19, pajjiżna baqa’ reżiljenti u baqa’ jiġbed lejh produzzjonijiet ta’ kwalità.
Produzzjoni b’budget ta’ żewġ miljun u tliet mitt elf ewro, b’miljun u erba’ mitt elf ewro jintnefqu f’pajjiżna, qed tittella’ ko-produzzjoni bejn Malta u l-Kanada bl-isem ta’ Baked Alaska.
Dan ifisser li aktar min-nofs in-nefqa ta’ din il-produzzjoni qed tkun iddedikata f’pajjiżna.
Din il-produzzjoni qed tinġibed fil-Belt Valletta u San Ġiljan.
F’dan il-film naraw accountant mill-Alaska li jkollu mħabba għat-tisjir u sa tmiem tal-film narawh jikkompeti f’kompetizzjoni kbira tat-tisjir kif ukoll jirnexxielu jsib l-imħabba ta’ ħajtu waqt din il-btala.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo flimkien mal-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, żaru parti mill-ħaddiema tal-produzzjoni u ltaqgħu mal-produtturi f’lukanda fil-Belt Valletta waqt li kien qed jinġibed l-film.
Il-Kummisarju tal-Films, Johann Grech, stqarr li minkejja ż-żminijiet ta’ sfida, jinsab kburi li Malta qed tkompli tiġbed dawn it-tip ta’ produzzjoniiet lejn pajjiżna.
Saħaq wkoll li produzzjoni bħal din hija importanti għaliex qed tagħti l-opportunità lil tmenin Malti u Għawdxi biex jaħdmu fis-settur tal-films.
Is-Sur Grech stqarr: “B’hekk qed nkomplu naraw in-nies tal-industrija jkomplu jaħdmu minn produzzjoni għal oħra u għalhekk ninsabu ottimisti li l-kummisjoni tal-films se tkompli taħdem bis-sħiħ biex tkompli tattira aktar produzzjonijiet biex hekk nkomplu nsaħħu l-industrija lokali u nkomplu nżidu x-xogħol f’din l-industrija.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qabel ma’ dak li qal l-Kummisarju tal-Films u stqarr li produzzjoni bħal din hija importanti għaliex fost oħrajn tippromwovi lil Malta fuq l-iskrins barra minn xtutna.
Huwa sostna: “Inħares ‘il quddiem illi nkomplu nattiraw iżjed produzzjonijiet ta’ dan il-livell sabiex b’hekk nkomplu nsaħħu l-investiment f’dan is-settur hekk importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.”