Il-Ministru Owen Bonnici, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech żaru s-sett tal-produzzjoni Amerikana bl-isem ta’ ‘The Ascent’, li bħalissa qed tinħadem f’Malta.
Din il-produzzjoni, li għandha baġit ta’ aktar minn €4 miljun, qed tikkontribwixxi b’mod b’saħħtu għall-industrija Maltija tal-films, b’aktar minn tliet kwarti tal-crew, jiġifieri 90 membru, ikunu lokali.
Il-ġbid ta’ dan il-film f’pajjiżna huwa maqsum fuq 23 jum u jinkludi postijiet bħall-Malta Film Studios u Miġra l-Ferħa f’Ħad-Dingli. Din il-produzzjoni hija prova ta’ kif l-industrija tal-films qed tkompli b’mod kontinwu ssaħħaħ il-brand image ta’ pajjiżna.
Id-direttur tal-film Adam Green qed jiffilmja f’Malta għall-ewwel darba, flimkien ma’ atturi magħrufa sew, bħal Gregg Sulkin.
Dan il-proġett mhux biss isaħħaħ il-profil internazzjonali ta’ Malta fl-industrija tal-films globali, iżda wkoll joħloq opportunitajiet għall-Maltin u għall-Għawdxin.
Il-Ministru Bonnici matul iż-żjara tiegħu ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tal-Kummissjoni Maltija għall-Films.
