Pressjoni mill-Membru Parlamentari Ewropew Dr. Josianne Cutajar, flimkien ma’ numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej oħrajn, wasslet biex fit-toilets tal-viżitaturi tal-Parlament Ewropew jibda jkun hemm prodotti mestrwali b’xejn disponnibbli.
B’reazzjoni għal dan, Dr Josianne Cutajar qalet li temmen bis-sħiħ li fuq livell Ewropew, imma anke f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, irid jissaħħaħ l-impenn biex tiġi miġġielda l-istigma assoċjata maċ-ċiklu u l-iġjene mestrwali, kif ukoll biex nindirizzaw il-‘period poverty’. “Is-sigurtà mestrwali għandha tkun kwistjoni kollettiva propju għax din hija kwistjoni ta’ iġjene bażika, saħħa u dinjita’” saħqet Cutajar.
“Ħafna nisa li jżuruna fil-Parlament Ewropew, il-biċċa l-kbira tagħhom żgħażagħ u studenti, imma anke ħaddiema stess, mhux dejjem ikollhom aċċess għal dawn il-prodotti minħabba bosta fatturi, u għalhekk nilqa’ bl-aktar mod pożittiv dan l-iżvilupp” kompliet Cutajar. Ta’ min jinnota li kull sena kemm fil-Parlament Ewropew ta’ Brussell, kif ukoll ta’ Strasburgu, ikun hemm eluf ta’ żjarat, b’40% tagħhom ikunu nisa, fosthom diversi Maltin u Għawdxin.
Intant, din l-inzjattiva, imbuttata ‘l quddiem mill-MPE Laburista Josianne Cutajar flimkien ma’ kollegi barranin, timxi id f’id mal-ħidma tal-Gvern Malti sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-iġjene mestrwali, fejn b’rabta mal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, il-Gvern ħabbar proġett pilota li se jwassal biex prodotti tal-‘period’ jibdew jitqassmu b’xejn fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex fis-sena skolastika li ġejja.