Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista rreferiet għal rapport ippubblikat fit-Times u saħqet li fih numru ta’ asserzjonijiet żbaljati, fosthom li kien qed isir inputting tad-data minn kanvassers ta’ xi kandidat.
“Dak allegat mhux talli ma seħħx, talli s-sistema hija ddisinjata b’mod li ma tippermettix li xi ħaġa bħal din isseħħ”, qalet b’mod ċar il-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista qalet li hija dejjem ikkomunikat il-pożizzjonijiet u t-tweġibiet uffiċjali tagħha lill-persuni li jitolbu xi kjarifika jew jippreżentaw ilment uffiċjali tul il-proċess elettorali.
Saħqet li l-proċess elettorali li se jwassal għall-ħatra ta’ Mexxej ġdid għandu numru ta’ livelli ta’ checks and balances u qed isir b’kollaborazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-kandidati u l-kandidati nfushom.
“Filwaqt li kien hemm ċirkostanzi li ġew indirizzati tul il-proċess, il-Kummissjoni Elettorali tista’ tassigura li l-proċess huwa wieħed ġust u diliġenti u li l-ipproċessar tal-informazzjoni b’relazzjoni mal-eliġibbiltà tal-votanti qed isir skont l-istatut tal-partit u r-regoli maqbula mal-partijiet konċernati”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista.