Mill-bidu tas-sena d-dieħla, l-aġenzija Identità se tniedi proċess ġdid u aktar effiċjenti għall-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin ikkwalifikati u b’livell għoli ta’ ħiliet.
Dan filwaqt li l-istess aġenżija qed tkompli testendi l-proċess tal-Key Employee Initiative, proċess simplifikat għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’livell għoli ta’ ħiliet.
L-Ispecialist Employee Initiative hi estensjoni ta’ din u maħsuba għal ħaddiema speċjalizzati, iżda bħalissa ma jilħqux il-kriterji tal-iskemi eżistenti.
L-applikanti jrid ikollhom offerta ta’ mpjieg f’Malta marbuta ma’ paga bażika ta’ €25,000. L-applikazzjonijiet se jiġu pproċessati fi żmien ħmistax-il jum.
Dan japplika biss f’dawk l-istanzi li ma jkunx possibbli li jinstab impjegat Malti jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea biex jimla dak il-post vakanti.
L-impjegat għandu jkollu kwalifiċi ta’ Livell MQF 6 jew ogħla f’qasam direttament relatat mal-pożizzjoni offruta f’Malta, kwalifiċi akkademiċi alternattivi jew ħiliet iċċertifikati li jikkorrispondu għal livell inqas, iżda li huma relevanti għall-pożizzjoni offruta.
Minbarra hekk, l-impjegat għandu jipprovdi dokumentazzjoni li tapprova li għandu esperjenza ta’ tliet snin relevanti għall-impjieg li se jkun ingaġġat fih, fosthom kuntratti ta’ xogħol preċedenti u ittri ta’ referenza.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Mark Mallia, qal li permezz ta’ proċess t’applikazzjoni aktar effiċjenti se jibbenefika kemm min iħaddem u min qed ifittex impjegati tas-sengħa, kif ukoll l-impjegati nfushom li jfittxu impjieg ġdid.
“Dik li kienet il-Key Employee Initiative u Ii tagħti proċessar f’ħamest ijiem, l-Ispecialist Employee Initiative qed tagħti proċessar fi ħmistax-il ġurnata. Meta l-applikazzjoni tissodisfa tnejn minn tliet kriterji stabbiliti jkun hemm proċess ħafna aktar mgħaġġel minn applikazzjonijet oħrajn.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fakkar li din l-inizjattiva hi waħda mill-miżuri fil-programm elettorali tal-Gvern. Hi wkoll metodu kif jitnaqqas l-abbuż f’dan is-settur.
“Se jibqa’ jkun hemm id iebsa ħafna kontra dawk il-kumpaniji jew persuni li jagħżlu jabbużaw, inkluż li jabbużaw mill-ħaddiema. B’dan il-mod qed inkomplu nħajru dawn il-kumpaniji li jimxu fit-triq li jagħfsu iżjed fuq il-kwalità”.