L-aġenzija Identità għaddejja bil-proċess biex iġġedded 160,000 karta tal-identità ta’ ċittadini Maltin, li kienu ħarġu għaxar snin ilu u li se jkunu qed jiskadu bejn din is-sena u s-sena d-dieħla.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol hekk kif fl-aħħar xahrejn kien hemm aktar minn 9,000 persuna li ġeddew il-karta tal-identità tagħhom.
Fil-fatt, matul is-sena u nofs li jmiss se jiskadu aktar minn 160,000 karta tal-identità oħra li jridu jiġġeddu b’oħrajn ġodda.
Karta ta’ identità għandha validità ta’ għaxar snin u kull ċittadin hu obbligat jara li jekk il-karta tal-identità skadiet jew waslet biex tiskadi, japplika biex iġġeddidha fit-taqsima tal-karta tal-identità f’Gattard House, il-Blata l-Bajda.
Waqt żjara lit-taqsima, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, segwa l-proċess tat-tiġdid tal-karti tal-identità, b’kull waħda minnhom ikollha anke d-dettalji biometriċi tal-individwu.
Il-Ministru Camilleri qal li “għal kuntrarju ta’ dak li ġara qabel l-2013, meta l-Maltin u l-Għawdxin kollha kellhom karta tal-identità skaduta, l-aġenzija Identità llum il-ġurnata qed tagħti prijorità assoluta għat-tiġdid effiċjenti u effikaċi tal-karti tal-identità.”
Dan qed isir, għax l-aġenzija investiet sew fl-għodda biex taħdem u anke fir-riżors uman.
“Hemm impenn kontinwu biex ikun hemm tiġdid tal-karta tal-identità ħalli ħadd jew l-ebda grupp ta’ persuni f’dan il-pajjiż ma jitħallew b’karta tal-identità skaduti. Allura diġà beda anke mass roll out fil-pajjiż fejn numru ta’ persuni jkollhom tiġdid tal-karta tal-identità tagħhom li tkun waħda sigura ħafna.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Steve Agius, qal li l-aġenzija qed testendi l-ħinijiet tagħha biex il-pubbliku jinqeda aħjar fid-dawl taż-żieda fit-talbiet għas-servizzi mogħtija mill-entità governattiva.
Spjega li dawk li għalqitilhom il-karta tal-identità jew waslet biex tiskadi, jistgħu jmorru fl-uffiċini tal-aġenzija fil-Blata l-Bajda jew jagħmlu appuntament għat-tiġdid mis-sit elettroniku tal-aġenzija Identità.
“Huwa l-obbligu tad-detentur li jkun ċert li l-ID Card tiegħu tibqa’ dejjem valida. Biex niffaċilitaw dan il-proċess qed noffru li d-detentur japplika online biex ikun jista’ jiġi hawn u jonqos il-waiting time tiegħu. Tajjeb wieħed ukoll jgħid li l-ID Card ukoll fejn jidħol l-użu tal-E-ID għandha skop importanti ħafna, għax hi l-infrastruttura li toffri l-interface għas-servizzi tal-Gvern onlajn.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Steve Agius
Il-karta tal-identità kienet saret obbligatorja bil-liġi 49 sena ilu għal dawk li jagħlqu 18-il sena u llum il-ġurnata dan l-obbligu niżel għal 16-il sena.