Se tibda ħidma biex fit-toroq jibda jsir ittestjar għall-għarrieda għad-droga fuq ix-xufiera, magħruf bl-Ingliż bħala ‘random drug testing’.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbret il-Politika Nazzjonali dwar id-Droga li se tkopri l-perjodu bejn l-2023 u l-2033.
Wara ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika, fosthom anke ma’ għaqdiet li jaħdmu kontra l-vizzji tad-droga, il-Gvern illum ippreżenta t-triq ’il quddiem fil-ġlieda kontra s-sustanzi illegali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li l-messaġġ ewlieni tal-Gvern f’dan kollu huwa li “aħna m’aħniex hawn biex niġġudikaw lil dawk bil-vizzju tad-droga, iżda qegħdin hemm biex ngħinu.”
L-ittestjar għad-droga fuq ix-xufiera huwa punt minn ħafna li hemm fil-politika ġdida biex f’pajjiżna jonqos l-użu u t-traffikar tad-droga.