Il-Qorti ordnat li jibdew proċeduri ta’ disprezz lejn il-Qorti fil-konfront tal-awturi wara numru ta’ artikli online u kitbiet fuq il-midja soċjali b’rabta mal-każ kontra Yorgen Fenech.
F’digriet mill-Maġistrat Rachel Montebello mogħti fit-28 ta’ Diċembru, il-Qorti nnutat il-bżonn li tintervjeni sabiex tipproteġi l-proċeduri minn rappurtaġġ frekwenti u intensiv u ġeneralment negattiv dwar il-każ ta’ Fenech.
Fost l-artikli li d-Difiża tal-akkużat ilmentat dwarhom f’rikors hemm kitbamill-paġna ta’ Facebook ‘Bis-Serjetá’ u artikli mill-MaltaToday, Times, Newsbook, LovinMalta, The Shift u Manueldelia.com. Kien hemm ukoll kitbiet fuq facebook minn iben Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia.
Il-Qorti nnotat kif għandha tkun biss il-midja li tirrapporta dwar il-proċeduri sabiex ikun evitat kemm jista’ jkun it-tixrid ta’ ineżattezzi u rappurtaġġ preġudikat.