Inċertezza għall-klabb ta’ Chelsea hekk kif il-Ħamis tħabbar li l-gvern ingliż iffriża l-assi ta’ numru ta’ oligarki Russi, fosthom ta’ Roman Abramovich.
Minħabba dawn l-iżviluppi kellu jieqaf ħesrem il-proċess tal-bejgħ tal-klabb filwaqt li Chelsea issa ma jistgħux jieħdu sehem fis-suq tat-trasferimenti.
Ma jistgħux lanqas jinbiegħu biljetti ġodda għal-logħbiet ‘home’, bl-uniċi partitarji li jistgħu jibqgħu jattendu għal-logħbiet tal-blues huma dawk biss li għandhom is-season tickets.
Bl-iffriżar tal-lum lanqas jistgħu jinbiegħu prodotti relatati mal-klabb tant li l-ħanut uffiċjali ta’ Chelsea għalaq minnufih.
Il-gvern ingliż ħabbar li se joħrog liċenzja speċjali lil Chelsea sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jilagħbu fil-kampjonat Premier, filwaqt li l-plejers u l-istaff jibqgħu jitħallsu normali. Din il-liċenzja se tkun imġedda minn żmien għal żmien.