Problema teknika li żviluppat fis-sistema tal-kumpanija GO waslet għal diskrepanza ta’ madwar €1.4 miljun fl-ammonti rekordjati u ċ-ċifri attwali ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi.
Fi stqarrija l-kumpanija tat-telekomunikazzjoni qalet li l-organizzazzjonijiet ewlenin li kienu affettwati kienu l-kampanja għall-Istrina organizzata mill-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, id-Dar tal-Providenza, il-Caritas u ż-żewġ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi organizzati miż-żewġ partiti politiċi ewlenin.
Intqal li l-ebda waħda minn dawn l-entitajiet ma kienet taf b’din il-problema teknika u kien fi Frar li għadda meta GO bdiet b’eżerċizzju tat-tqabbil taċ-ċifri u nstabet id-diskrepanza u l-entitajiet kienu kollha infurmati.
Il-problema fis-sistema wasslet biex għadd ta’ donazzjonijiet imwegħda min-numri reġistrati ma’ GO, kienu reġistrati darbtejn.
Din il-problema teknika kienet biss waħda marbuta mas-sistema li affettwat biss il-mod kif it-telefonati kienu reġistrati.
Dan wassal biex donazzjonijiet li ġew min-numri tal-mobile reġistrati ma’ GO, iddaħħlu fis-sistema darbtejn.
Il-kumpanija aċċennat li l-ebda klijent ma ġie mitlub iħallas darbtejn għad-donazzjoni tiegħu.
Intqal kif timijiet tekniċi ta’ GO diġà sabu x’wassal għal din il-problema u qed jimplimentaw il-miżuri kollha li hemm bżonn biex dan ma jerġax iseħħ.
Ġie rrimarkat li qabel kull attività jsiru ħafna testijiet tas-sistemi biex jiġi assigurat li kollox jaħdem.
Il-kumpanija qalet li jiddispjaċiha għal dak li ġara.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/13/l-arcidjocesi-ta-malta-dizappuntata-bis-servizz-ta-go/
https://www.one.com.mt/2021/04/13/problema-teknika-tal-go-is-somma-migbura-fl-istrina-hija-ta-kwazi-miljun-ewro-inqas/