F’Malta għandna problema ta’ kwalità fejn jidħol ix-xandir. Dan ħareġ minn waħda mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ rapport ikkummissjonat mill-Awtorità tax-Xandir.
Dan ir-rapport ġie ppubblikat f’konferenza li għaliha attendew rappreżentanti u produtturi li jipproduċi xogħol għall-istazzjonijiet tax-xandir kollha lokali.
F’waħda mill-ewwel intervisti tiegħu mindu beda jokkupa l-kariga ta’ Chairperson tal-Awtorita tax-Xandir, Frank V. Farrugia sostna li ħass li kien hemm bżonn ta’ studju sabiex minnu joħorġu soluzzjonijiet sabiex titjieb il-kwlaità tal-prodott li jixxandar.
Farrugia stqarr: “L-iskop tal-istudju kien biex naraw x’kienu l-problemi u biex naraw ukoll min-naħa tagħna li toħroġ il-kwalità li hemm bżonn u titjieb kemm jista’ jkun.”
Is-Sur Farrugia nnota li waħda mill-konklużjonijiet ewlenin kienet li bi ftit eċċezzjonijiet, fit-televiżjoni f’Malta teżisti problema serja ta’ kwalità f’livelli differenti.
“Il-problemi huma nuqqas ta’ training għalhekk hemm bżonn li jsir taħriġ u aħna bħala awtorità bi ħsiebna li barra nkunu regolatur se ngħinu billi nġibu esperti barranin”, sostna Farrugia.
Huwa kompla jispjega li dawn l-esperti mistennija jħarrġu aktar persuni sabiex tkomli titjieb il-kwalità.
Ir-rapport irrakkomanda wkoll li għandha tinbidel il-liġi dwar ix-xandir biex jiġu stabbiliti livelli minimi nazzjonali fil-qasam tax-xandir televiżiv.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem fil-ftuħ tal-konferenza u qal li “huwa għalhekk li rridu nagħtu titwila lejn il-kwalità f’dan is-settur, sabiex fuq il-pjattaformi televiżivi kollha naħdmu flimkien sabiex nibqgħu ngħollu l-kwalità.
Aħna rridu li nagħtu l-aħjar possibbli għas-soċjetà tagħna f’dan il-qasam – u huwa permezz ta’ analiżi tax-xandir attwali li nistgħu nħejju pjan sabiex intejbu dan is-settur li tant jolqot lil bosta.”