Franklin Xerri, ta’ wieħed u tletin sena minn Ħal Qormi, tressaq il-Qorti fuq argument li kellu ma’ anzjan ta’ erbgħa u sittin sena.
F’dan l-argument, l-akkużat kisser id-dentatura u s-snien li kien għad fadallu l-anzjan.
Il-każ seħħ is-Sibt għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, f’Ħal Qormi stess, wara li Xerri pparkja quddiem il-garaxx tal-anzjan biex imur jagħmel rapport l-għassa, b’rabta ma’ każ separat.
L-anzjan beda jsabbat fuq il-vann ta’ Xerri u allegatament instigah.
Kien proprju hawnhekk meta Xerri tah daqqa ta’ ras, li wasslet għall-ġrieħi gravi fuq l-anzjan.
Fil-Qorti ntqal kif l-akkużat ikkopera mal-Pulizija.
Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
F’messaġġ li għamel il-Maġistrat Joe Mifsud, appella għal aktar kawtela fit-toroq Maltin. Huwa elenka l-bżonn ta’ aktar dixxiplina u qal li bniedem ma jistax jieħu l-liġi b’idejh. Tenna l-bżonn li jittieħdu passi kontra min jabbuża.
Intant, bi qbil mal-Prosekuzzjoni, immexxija mill-ispettur Jonathan Cassar, Xerri ingħata tliet snin probation fuq garanzija personali ta’ ħamest elef ewro. Huwa ġie ordnat iħallas id-dentatura tal-anzjan, li tammonta għal elf, tliet mija u sittin ewro.
L-imputat se jingħata wkoll trattament biex ikun jista’ jikkontrolla r-rabja tiegħu b’mod aktar denju.
F’messaġġ fl-awla, il-Maġistrat Joe Mifsud, qal li, “Mhux aċċettabbli li fit-toroq tagħna jkollna cowboys jipparkjaw fejn mhux suppost u ma jimxux mar-regoli tat-traffiku u minfuq jieħdu l-liġi b’idejhom.”