Ibrahim Micallef u Dawid Piotr Cieccerski ta’ 16-il sena wieġbu ħatja li serqu bagalja minn lukanda fil-Qawra. Huma tressqu l-Qorti akkużati li fil-lejl ta’ bejn it-28 u 29 ta’ Marzu serqu bagalji b’xi ħwejjeġ minn kamra ta’ lukanda fil-Qawra. Ibrahim Micallef li għandu 19-il sena qed jiġi akkużat ukoll li wettaq reat kriminali ieħor waqt li kien qed jiskonta sentenza sospiża oħra.
Id-difiża ta’ Micallef li tmexxiet mill-avukati Dr Franco Debono u Dr Amadeus Cachia u talbu għal kura u trattament minħabba diversi problemi. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Spiridione Zammit qabel mat-talba tad-difiża u spjega kif ukoll jixtieq li l-imputat jirċievi kura.
Dr Lennox Vella li deher għal Cieccerski ukoll talab għal kura u trattament minħabba numru ta’ problemi bil-prosekuzzjoni u l-Qorti.
Il-Qorti laqgħet din it-talba tad-difiża u poġġiet lil Micallef fuq ordni ta’ trattament u ordnatlu sentenza ta’ probation għal 3 snin filwaqt li ġiet estiża s-sentenza sospiża eżistenti filwaqt li Cieccerski tpoġġa fuq ordni ta’ trattament u ordnatlu sentenza ta’ probation għal 3 snin.
Waqt il-qari tad-digriet tagħha l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wisset liż-żewġ ġuvintur sabiex jirriformaw ruħhom u sostniet li l-affarijiet misruqa kienu oġġetti mixtrija minn persuni li ħadmu qatigħ għalihom.