Żagħżugħ, li tliet snin ilu kellu sittax-il sena, ingħata probation wara li nstab ħati li f’Diċembru tal-elfejn u għoxrin kellu relazzjoni sesswali ma’ tifla ta’ tlettax-il sena.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat u t-tfajla kellhom x’jaqsmu diversi drabi, bil-kunsens tat-tfajla, li wkoll ġibdet ritratt ta’ dawn l-attivitajiet sesswali u bagħtithom lill-imputat.
Fix-xhieda tagħha, il-vittma qalet li saret taf lill-imputat minn fuq il-mezzi soċjali u li bdew joħorġu flimkien fl-2019, filwaqt li ħassru f’nofs is-sena elfejn u għoxrin. Dak iż-żmien l-imputat kellu ħmistax-il sena, filwaqt li hi kellha tnax-il sena.
Hi xehdet wkoll li marret l-Appoġġ, għax riedet hi u għax riedet ommha, wara diżgwid fuq ir-ritratt ma’ sħabha u mhux minħabba l-imputat. Żiedet tgħid ukoll li hi qatt ma kellmet lill-akkużat wara li ħassru.
Fuq il-pedana tax-xhieda telgħet ukoll omm il-vittma li qalet li r-ritratt beda jintuża mill-ħbieb tagħha biex jhedduha u jġiegħeluha tagħmel li riedu huma.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ikkonludiet li l-atti sesswali saru bil-kunsens ta’ xulxin, filwaqt li t-tifla stess riedet tieħu r-ritratt. Hi sostniet ukoll li l-piena m’għandhiex tkun waħda ta’ ħabs u b’hekk ingħata probation.