Raġel ta’ tnejn u tletin sena minn Ħal Tarxien kellu sentenza ta’ ħames snin ħabs mibdula għal waħda ta’ probation għal tliet snin u servizz ta’ mitt siegħa fil-komunità.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, Keith Felice kien ġie akkużat fuq ammissjoni ta’ serq, sekwestru ta’ persuna u pussess ta’ arma tan-nar.
F’Jannar ta’ din is-sena, Felice kien ammetta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati l-akkużi miġjuba kontrih, madankollu bidla fit-tim legali tiegħu wasslet biex jappella fuq punt ta’ liġi peress li l-ewwel Qorti naqset milli tindika artiklu tal-liġi dwar l-akkuża li żamm u ġarr stun gun mingħajr permess.
Il-Qorti tal-Appell innutat li Felice biddel ħajtu u ħeles mill-problemi tad-droga.