Wara ġimgħat twal fuq ix-xwiek, l-Erbgħa filgħodu bdew ħerġin ir-riżultati tal-MATSEC, b’eluf ta’ studenti bdew jirċievu l-marki permezz t’sms.
SMS li jista’ jkun l-iktar wieħed importanti f’ħajjet dawn l-adoloxxenti, hekk kif kapaċi jiddetermina t-triq ‘il quddiem għal karriera u l-kumplament ta’ ħajjithom. Triq li jew tilħaq l-aspirazzjonijiet, jew tlaqqa’ l-istudenti m’opportunitajiet ġodda bla ħsieb.
Għal oħrajn, l-SMS li rċevew l-Erbgħa filgħodu jista’ joffri dieqa u qtigħ il-qalb. Mument diffiċli li kapaċi jnissel id-dubju, iżda li kapaċi wkoll iqawwi l-qlub ta’ dawk determinati biex jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom.
Għal dawn tal-aħħar, ċertament li mhux kollox mitmum.
Grazzi għall-impenn tal-Gvern biex ħadd ma jaqa’ lura, għal sena oħra, il-Ministeru Għall-Edukazzjoni se jkun qed joffri lezzjonijiet tal-privat b’xejn lil dawk kollha li fallew mis-suġġetti bażiċi tal-O’Levels, jew aħjar il-Matematika, il-Fiżika, il-Malti, u l-Ingliż.
Dawn se jsiru f’kors intensiv bejn Lulju u Awwissu, li jkopri l-istudenti kollha li ġabu 6, 7, fallew, jew m’attendewx għall-ezamijiet f’Mejju, iżda se jpoġġu għal dawk ta’ Settembru. Dan jinkludi ukoll l-istudenti li attendew skejjel privati.
Bil-għan li jintlaħaq kulħadd, il-lezzjonijiet se jingħataw kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex. Min-naħa tagħhom, dawk li jinkitbu huma mistennija li jattendu għal-lezzjonijiet kollha, u jsegwu b’attenzjoni waqt li jirrispettaw il-kumplament tal-klassi.
L-istudenti jistgħu japplikaw għal massimu ta’ tliet suġġetti mill-erbgħa offruti, u għandhom jagħmlu dan online permezz tas-sit education.gov.mt/revision sa … ta’ Lulju f’nofsinhar. L-applikazzjoni għall-eżamijiet tar-resits f’Settembru għandha ssir b’mod separat, hekk kif stabbilit mill-awtorita’ konċernata.
Dan kollu f’xhieda tal-impenn tal-Gvern li jimplimenta l-Garanzija Għaż-Żgħażagħ, f’soċjetà ġusta li tippremja l-bżulija.