Fost l-oħrajn il-Prinċipal tal-Kulleġġ St. Thomas Moore George Psaila, għamel referenza għall-ftuħ tal-iskejjel u stqarr kif sar xogħol siewi ħafna biex jinfetħu l-iskejjel b’mod sigur. Huwa rrefera wkoll għal dak li qalet is-Supretendent tas-saħħa pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, li qalet kif l-iskejjel u l-ftuħ tagħhom ikomplu jnaqqsu l-każijiet.
Is-Sur George Psaila qal, “Bil-permess tagħkom nagħmel referenza għall-ftuħ tal-iskejjel fiż-żmien tal-Covid. Ftaħna l-iskejjel, ftaħna l-iskejjel b’mod tajjeb ħafna kif tafu, investejna ħafna. Jiena nixtieq nirreferi għal dak li qalet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, li l-iskejjel kienu ta’ għajnuna għall-komunità, l-iskejjel miftuħin huma ta’ ġid għas-soċjetà inġenerali.”
Huwa semma l-bosta proġetti li saru fi skejjel differenti fosthom dik taż-Żejtun li minn skola antika ġiet rinovata u mibdula f’waħda moderna u attrezzata sew. Stqarr kif dawn l-isforzi kbar li qed isiru ser iwasslu sabiex kull student jingħata l-kompetenzi kollha kruċjali b’valuri ta’ ekwità, ġustizzja soċjali u diversità.
Preżenti kien hemm ukoll ħaddiema ta’ negozju lokali li jagħti servizz mhux essenzjali u li għalhekk għamel żmien fejn kellu jagħlaq il-bibien tiegħu minħabba l-pandemija. Hija stqarret kif tul dan iż-żmien diffiċli, l-għajnuna tal-Gvern fil-forma tal-‘Covid Wage Supplement’ kienet essenzjali sabiex hi u ħaddiema oħra bħalha ma jitilfux l-impjieg tagħhom.
Hija sqalet, “Bħala ħaddiema ġo stabbiliment fejn naħdem jien fejn l-affarijiet mhumiex ta’ neċessità għall-ħajja ta’ kuljum, jien kont inkwetata għall-impjieg tiegħi. Però permezz ta’ bosta miżuri li ħa l-Gvern fosthom il-‘Wage Supplement’, dan iggarantixxa l-impjieg ta’ bosta ħaddiema u serħan ta’ moħħ għal min iħaddem. U ta’ dan nixtieq nirringrazzjakom f’ismi u f’isem il-kumpanija fejn naħdem jiena.”
Preżenti kien hemm ukoll numru ta’ sindki minn bosta lokalitajiet differenti li lkoll innutaw kif il-lokalitajiet li jirrappreżentaw ibbenefikaw minn proġetti mwettqa. Fost l-oħrajn huma innutaw b’sodisfazzjon il-progress li qed isir fl-ikbar proġett infrastrutturali li qatt sar f’pajjiżna, il-bini mill-ġdid tat-toroq kollha ta’ pajjiżna. Fost l-iktar suġġerimenti komuni li s-sindki għaddew waqt din il-laqgħa kienet iż-żieda fi spazji pubbliċi u żieda ta’ parkeġġ fil-lokalitajiet. Kien hemm preżenti wkoll membri ta’ għaqdiet sportivi u tal-festi li wkoll għaddew is-suġġerimenti tagħhom lill-membri tal-Kabinett.