Sensiela ta’ liġijiet ippreżentati mill-Gvern u approvati fi stadji differenti tal-Parlament fl-aħħar ġimgħat se jkunu qed iżidu l-fiduċja fil-politika u l-politiċi.
Iddikjara dan il-Prim Ministru, Joseph Muscat, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja li matulha tkellmu wkoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.
Il-Prim Ministru qal li huwa kburi li qed imexxi gvern riformista li tassew idaħħal standards Ewropej.
Spjega li dan hu gvern li mhux qed jaħtaf il-poter. Iżda, minflok qed idaħħal iktar ckecks and balances. Bħal fil-ħatra tal-ġudikatura fejn għall-ewwel darba l-Prim Ministru se jkollu l-parir ta’ bord indipendenti.
“Dan hu sinjal b’saħħtu fejn kissirna l-istatus quo,” qal il-Prim Ministru li rrefera wkoll għad-dixxiplina fil-ġudikatura.
Kien spjegat ukoll li l-liġi tal-istandards għal persuni pubbliċi, dik li se twassal għall-parlament awtonomu u l-bidla radikali fil-ħatra tal-ġudikatura, huma lkoll liġijiet li għall-ewwel darba qegħdin idaħħlu standards ġodda f’pajjiżna.
Għada se tibda tkun diskussa wkoll il-bidla li se tara l-membri tal-parlament ikunu penalizzati jekk kemm–il darba ma jattendux il-parlament mingħajr raġuni.
Meta tkellem dwar il-liġijiet li se jibdlu l-mod kif jaħdem il-Parlament u jdaħħlu standards ġodda id-Deputat Prim Ministru qal li se tkun ċara iktar minn qabel id-distinzjoni bejn l-eżekuttiv, il-leġiżlattiv u
l-ġudikatura. Xi ħaġa li se ġġibna konformi ma’ parlamenti oħra madwar l-Ewropa. Fakkar ukoll kif il-Kummissarju għall-Istandards se jkollu d-dritt jinvestiga persuni f’ħajja pubblika b’mod li qatt ma kien jeżisti qabel.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li bidla fil-qasam tal-ġustizzja bħal dik approvata lbieraħ, fejn kien meħtieġ tibdil kostituzzjonali, ilha ma ssir 30 sena.
Fuq kollox dawn huma wegħdi mwettqa.
“Dawn kollha huma riformi kbar li qed jibdlu l-pajjiż. Miżuri fil-manifest elettorali li qed inwettqu. Dan huwa Gvern li f’leġiżlautra bidel dak li ħaddieħor kien xettiku dwaru u m’għamilx,” qal il-Prim Ministru.