David Cameron se jitlaq minn 10 Downing Street, b’Theresa May tieħu postu.
Dan wara l-mistoqsijiet parlamentari, u wara li jmur Buckingham Palace biex jippreżenta r-riżenja tiegħu lir-Reġina.
Id-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja ssegwi d-deċiżjoni tal-poplu f’referendum li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
It-taqtigħa finali għal min se jkun mexxej tal-Partit Konservattiv Ingliż u għalhekk Prim Ministru tar-Renju Unit, ħadet żvolta ġdida wara li Andrea Leadsom iritrat mit-tellieqa biex b’hekk Theresa May tkun l-unika kandidata għal din il-kariga. Intant, May mistennija tagħżel kollegi nisa biex jiffurmaw parti mill-kabinet tagħha, inkluż fi rwolijiet kruċjali.