Xahar u nofs mindu Robert Abela ħa t-tmun tal-pajjiż u tal-Partit Laburista, jidher li qed igawdi fiduċja b’saħħitha tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi.
Stħarriġ fil-gazzetta “It-Torċa” tal-istatistiku Vincent Marmara, juri li l-Prim Ministru Robert Abela jgawdi fiduċja ta’ disgħa u ħamsin punt ħamsa fil-mija, filwaqt li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jgawdi fiduċja ta’ tnejn u għoxrin punt tnejn fil-mija.
Dan ifisser li hemm distakk ta’ sebgħa u tletin fil-mija bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna.
Bil-kliem “Prim Ministru b’saħħtu”, jiddominaw il-faċċata tal-ġurnal, l-istħarriġ jistaqsi lill-votanti li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elfejn u sbatax, “liema mexxej ta’ partit l-aktar li jafdaw f’Malta”. Kważi sitta u disgħin fil-mija qalu li jafdaw lil Robert Abela.
Fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elfejn u sbatax, kienu ħamsa u ħamsin fil-mija li qalu li jafdaw lil Adrian Delia, filwaqt li sebgħa fil-mija tal-votanti Nazzjonalisti jafdaw lil Robert Abela.
Id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada, huwa ta’ tlettax punt wieħed fil-mija favur il-Partit Labrista.
Fl-istħarriġ jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jieħu voti minn dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, u l-Partiti bħalissa qegħdin iżommu l-istess riżultat tal-elfejn u sbatax.
It-tbassir tar-riżultat li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, huwa li ħamsa u ħamsin fil-mija jivvutaw lill-Partit Laburista, u tnejn u erbgħin fil-mija jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
RITRATTI: TORĊA