Fl-ewwel Kungress Nazzjonali tal-kittieba li ġabar fih għexieren ta’ dawk li bil-pinna jagħtu żvog lil bosta qarrejja, approva żewġ mozzjonijiet b’mod unanimu li mistennija jiggarantixxu d-drittijiet ekonomiċi tal-kittieba Maltin.
Waqt aġenda mressqa mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kienu bosta kittieba Maltin li esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar is-suq diffiċli f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ tal-kotba.
Filfatt b’tentattiv li jinħoloq suq aktar kompettiv billi jinċentiva iktar parteċipazzjoni u kompetizzjoni minn kittieba Maltin, il-Kunsill ressaq abbozz ta’ liġi li jagħti importanza xierqa lid-drittijiet ekonomiċi tal-kittieba stess.
Dan l-abbozz inkluda mozzjoni emendata b’kundizzjonijiet li fost oħrajn jobbligaw li ma jsir l-ebda trasferiment tad-drittijiet tal-kittieb jekk ma jsirx ftehim bil miktub, li l-awtur jitħallas somma ta’ mhux inqas minn 10% tal-bejgħ nett fuq kull pubblikazzjoni, li l-awtur ikollu d-dritt għal aċċess għall-informazzjoni dwar il-bejgħ tal-kotba tiegħu wara kull ċiklu ta’ bejgħ u li d-drittijiet anċillari jibgħqu miżmumin dejjem mill-awtur sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor.
Dan filwaqt li ġiet approvata mozzjoni oħra sabiex tiġi mġedda l-liġi Sussidjarja għall-Att tal-Parlament.
Dwar dan il-pass importanti għal-kittieba Maltin, One News tkellem ma’ żewġ pilastri tal-letteratura Maltija.
Victor Fenech qal kif “Kien hemm min kellu anke ideat ħafna oriġinali u jidher li minn hawnekk għandna mmorru l-quddiem. Mhux nagħmlu konferenza u tieqaf hawnekk. Paċpaċna daqxejn ħadna café. Le rridu li minn hawnekk nieħdu passi.”
Dr. Immanuel Mifsud qal kif “Iż-żewġ proposti attwalment ġew ivvutati unanimanent ifisser li anke l-kittieba jħossu li dan kien pass kbir il-quddiem.”
Intant b’tentattiv li jkomplu jinċentivaw il-kitba u l-letteratura Maltija għas-snin li ġejjin dawn iż-żewġ awturi li kisbu wkoll suċċess barra minn xtutna ssuġġerrew magħna xi ideat minn tagħhom hekk kif bħalissa din ix-xena hija mogħnija b’talent żagħżugħ.
Fenech qal kif “Daż-żmien għandna ħafna awturi li jiktbu fuq problem soċjali. Il-vuċi tagħhom għandha tkun b’saħħitha daqs tal-politiċi.”
Mifsud qal kif “Mill-kinder sal-aspett anke terzjarju tal-edukazzjoni li jkun hemm spirtu aktar ta’ inkoraġġiment għall-qari u għall-letteratura Maltija.”