Bitħa fir-residenza fejn jinżammu priġunieri żgħażagħ, magħrufa l-iktar b’mod popolari bħala l-YOURS, inbidlet fi grawnd tal-futbol li għandu joffri żvog u għajnuna lil dawn il-persuni li jkunu qed ifittxu li jerġgħu jibdew ħajjithom mill-ġdid.
L-isport hu meqjus bħala żvog importanti ħafna għall-priġunieri u filwaqt li fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin hemm grawnd tal-futbol, li issa ilu jeżisti numru ta’ snin, f’din ir-residenza ma kienx hemm.
Bl-għajnuna tal-Malta Football Association, bl-intervent dirett tal-President Norman Darmanin Demajo u l-kollaborazzjoni flimkien mal-Ministeru għall-Intern u mal-awtoritajiet tal-ħabs is-sitwazzjoni se tinbidel fi żmien qasir. L-MFA dejjem tat importanza lil dawn it-tip ta’ proġetti li permezz tagħhom tippromwovi wkoll aspetti sbieħ tal-futbol li jmorru lil hinn minn logħob milgħub għar-riżultat.
Biex seta’ sar il-proġett tkabbar l-ispazju u minn tagħrif li għandha l-gazzetta KullĦadd hemm entużjażmu kbir biex jibda jintuża. Huwa l-futboler Manolito Micallef li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-attivitajiet sporitivi fil-ħabs ta’ Kordin u jeżisti kunsens wiesa’ li dawn huma attivitajiet kruċjali li jservu ta’ ħafna ġid. “Mediċina għall-priġunieri,” hemm min iddeskrivihom.
Fil-fatt il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia kellu kliem pożittiv u ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva u qal li din trid tkun waħda minn sensiela ta’ inizjattivi li jibdlu l-post f’wieħed fejn ir-riabilitazzjoni tkun l-ikbar prijorità.
Michael Farrugia temm jgħid li wieħed jistenna iktar bidliet bħal dawn biex is-soċjetà tgawdi minn effetti tajbin, u jinsab impenjat li dawn isiru fiż-żmien li ġej.