Uffiċjal Korrettiv ġiet aggredita minn priġuniera waqt li kienet qiegħda tiġi teskoraha ġewwa l-Isptar Mater Dei.
Fi stqarrija, il-GWU ippubblikat ritratti tal-aggessjoni fejn jidher li l-priġuniera allegatament qatgħetilha xagħarha.
Il-GWU qalet li talbet lill-awtoritajiet kkonċernati biex jieħdu l-passi neċessarji skont il-liġi fil-konfront tal-priġuniera u ħeġġet lill-Uffiċjali Korrettivi jkomplu jagħmlu d-doveri tagħhom mingħajr biżà. Żiedet tgħid li għamlet kuntatt mal-Uffiċjal Korrettiv fejn uriet is-solidarjetà tagħha u wegħdet li se tagħtiha l-appoġġ kollu meħtieġ.
Il-GWU qalet li x-xogħol tal-Uffiċjali Korrettivi fin-natura tiegħu huwa wieħed perikoluz, iżda ebda ħaddiem m’għandu jiġi msawwat waqt li jkun qed iwettaq id-doveri tiegħu.
Qalet li sfortunatament għad m’hawnx għarfien biżżejjed kemm jagħmlu xogħol importanti l-Uffiċjali Korrettivi fis-soċjetà.