Fi stqarrija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ntqal li priġuniera Maltija ttieħdet l-isptar wara attentat ta’ suwiċidju.
Hija nstabet mitlufa minn sensiha dalgħodu ftit qabel it-tmienja, fiċ-ċella tagħha.
Intqat li wara intervent mit-tobba u l-infermiera tal-ħabs, il-persuna ttieħdet permezz ta’ ambulanza l-isptar Mater Dei, fejn għadha qed tiġi rikoverata u qed tingħata l-kura.
L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi sostniet li l-mara kienet kontinwament taħt moniteraġġ minn psikjatra bl-aħħar viżta seħħet fit-tlieta ta’ Ġunju li għadda.
Fir-rapport tiegħu l-psikjatra rrimarka li l-persuna inkwistjoni kienet qiegħda tagħmel progress filwaqt li ma kienx intqal li tinsab f’riskju ta’ suwiċidju.
B’rabta ma’ dan il-każ qed titmexxa inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech.