Ġanni Attard li għaxar snin ilu ġie kkundannat għomru l-ħabs wara li nstab ħati ta’ kompliċità fil-qtil tal-gwardjana lokali Fortunata Spiteri, dalgħodu nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-ħabs ta’ Kordin. Attard kellu tnejn u sebgħin sena u bħal vittma kienu joqgħod ix-Xagħra Għawdex.
Fi stqarrija, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li Barbara, instab mejjet għall-ħabta tas-sitta u nofs tat-Tnejn filgħodu.
Għaxar snin ilu, Attard li kien jaħdem bħala xufier tal-karozza tal-linja kien instab ħati f’ġuri li fl-10 ta’ Awwissu tal-2001 kien kompliċi fl-omiċidju ta’ Spiteri. Huwa ma kienx instab ħati li kien il-moħħ wara dan il-qtil.
Fl-għoti tas-sentenza, l-Imħallef Michael Mallia kkundannah il-piena massima li kienet tagħtih l-liġi f’każ fejn persuna tinstab ħatja ta’ kompliċità li fis-sistema ġudizzjarja tagħna, il-ħati jrid jibqa’ maqful fiċ-ċella sa mewtu.
Fil-Qorti kien ingħad li Spiteri ġiet attakkata u nqatlet b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-triq li mir-Rabat tagħti għall-Għarb b’rabta mal-festa fil-lokalità ta’ San Lawrenz. Hija kellha sebgħa u erbgħin sena.
Attard kien it-tieni persuna li kien intbagħat il-ħabs b’rabta ma’ dan il-qtil, l-ewwel u l-uniku qtil fl-istorja tal-gwardjani f’Malta. Benny Attard kien ikkundannat tletin sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri bis-sehem tiegħu fir-reat. Ġużeppi Farrugia, akkużat ukoll fil-każ kien miet qabel intemmu l-proċeduri kontra tiegħu.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Mallia kien sostna wkoll li Ġanni kien qatta’ ħajtu jisfida lill-awtoritajiet u baqa’ ma tgħallem qatt mill-iżbalji tiegħu.
Ħamsa u erbgħin sena ilu, huwa kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li kien instab ħati li darab gravi lil missieru Wenzu f’tilwima bejnu u ħuh.
Dakinhar il-missier daħal biex iferraqhom u spiċċa miet wara li qala’ tir ta’ senter li ġie sparat minn Ġanni.
L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li bil-mewt ta’ Attard ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.