Sirjan, li ġie salvat mis-CNN fejn kien maħsub li hu priġunier, issa ġie identifikat bħala eks uffiċjal tas-Servizzi Sigrieti fir-reġim ta’ Bashar al-Assad u kien magħruf ukoll li jittortura lil dawk miżmumin mill-awtoritajiet.
Wara offensiva li waqqgħet lill-Gvern ta’ Assad aktar kmieni dan ix-xahar, ġellieda tal-oppożizzjoni ħelsu eluf mill-ħabsijiet fil-pajjiż.
Ir-rapport tas-CNN dwar l-allegat salvataġġ qajjem kritika mifruxa minn bosta entitajiet li kellhom ħafna dubji dwar dan il-każ. Fuq dawn il-punti bdiet investigazzjoni ġdida biex tiġi ċċarata l-istorja.
Fil-filmat li xxandar il-Ħamis, Clarissa Ward tas-CNN u t-tim tagħha, flimkien ma’ membru tal-Oppożizzjoni, dehru jiltaqgħu ma’ priġunier fl-art, miksi b’kutra.
Ir-raġel, li identifika ruħu fil-filmat bħala Adel Gharbal minn Homs, instab li fil-verità kien Salama Mohammad Salama, membru tal-forzi ta’ Assad li qatel nies ċivili wara li jkun ittorturahom. Dan ġie kkonfermat aktar tard mis-CNN stess.