Tilef ħajtu Stephen Tanti ta’ tnejn u tletin sena minn Ħal Qormi imma residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Tanti instab mitluf minn sensih fiċ-ċella tiegħu fil-ħabs ftit minuti wara li kien qal li mhux iħossu sew u talab pilloli għall-uġigħ.
Minnufih, l-uffiċjali korrettivi taw l-ewwel għajnuna sakemm ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Sorsi qrib ONE News sostnew li r-raġel, li jbati minn piż żejjed, ingħata l-ewwel għajnuna għal siegħa sħiħa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u saħansitra ssejħu uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili biex ikun jista’ jinħareġ mill-ħabs.
Dwar il-każ mill-ewwel infetħet investigazzjoni interna, inkjesta Maġisterjali, kif ukoll għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija.