‘Il-Prietka tal-Milied,’ huwa programm speċjali li ser ikun qed jintwera lejliet il-Milied fit-20:30 fuq ONE. L-idea ta’ din il-produzzjoni hija li dan l-istazzjoni jwassal il-prietka tradizzjonali tagħna l-Maltin, b’xejra differenti. Il-programm se jkun imsejjes b’aspetti artistiċi varji li jinkludu il-mużika, kant, rakkonti ta’ esperjenzi, ħsibijiet u tradizzjonijiet maltin, fost oħrajn.
Waqt il-Priedka tal-Milied se din il-produzzjoni se tieħu lit-telespettaturi tagħha fuq vjaġġ fejn se jiġu rakkuntati diversi esperjenzi. Fost dawn ser niltaqgħu ma’ Sr Michela Paris, Ii tirrakonta dwar meta, bħala sorijiet sabu tarbija, fiż-żmien il-Milied imgeżwra ġo kaxxa barra l-Creche tal-Ursolini. Barra dan, Pawlu Muscat, se jitkellem dwar it-tradizzjoni tal-presepju u se jkun qed jiffoka fuq il-pastur Malti fejn ta’ kull sena jagħmel pastur ġdid, fejn saħansitra s-sena l-oħra ħoloq wieħed relatat mal-Covid 19.
Matul il-program ser niltaqgħu wkoll ma’ Joseph Caruana, li jiftakar sew il-purċissjoni tal-Milied li bdiet issir mill-fundatur tal-MUSEUM, San Ġorġ Preca. Fil-fatt, fil-programm Caruana se jirrakonta l-esperjenzi tiegħu ma’ San Ġorg Preca.
Se niltaqgħu ukoll ma’ Rosanne Sollars, li hija aktarx l-ewwel tifla li għamlet il-prietka tal-Milied f’pajjizna. Dak iż-żmien, ma kinitx komuni li l-bniet jagħmlu il-prietka. Tant hu hekk, li l-fotografu ma kienx mar jieħu r-ritratt dakinhar, għaliex ma kienx emmen li kienet se tagħmilha tifla.
Ma jonqosx li dwar il-Milied nitkellmu ma’ Trevor Zahra, li barra li kiteb diversi kotba dwar il-Milied, jispjegalna wkoll diversi tradizzjonijiet, minn fejn ġew u kif żviluppaw matul is-snin.
Il-Pantomima hija wkoll marbuta maż-żmien il-Milied u għaldaqstant ma hemm ħadd aħjar minn Hector Bruno li ħa jkun qed jirrakuntalna dwar l-esperjenzi tiegħu fil-Panto.
Il-kantanta Amber ser tkun qed tagħti sehmha ukoll f’dan il-programm, permezz ta’ kunċert, bl-għanjiet tal-Milied kemm Maltin, barranin u anki dawk oriġinali tagħha stess.
‘Il-Prietka tal-Milied’ huwa programm speċjali tal-Milied li ħadd m’għandu jitlef u se jkollu fih esperjenzi li ħa jqanqlu ħafna memorji, mużika tal-Milied oriġinali u tradizzjonali maltin u apparti minn hekk għandna daqsxejn ta’ stejjer interressani li niftakru jew forsi insejna imma jagħmlu differenza kbira f’dan il-Milied għalhekk inħeġġiġkom biex tarawh.’