Fil-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali ta’ Ħal Tarxien, iċ-ċkejknin Gianluca, Marek, Samuel, Luca u Dimitri, li huma kollha tampar xulxin, sibnihom iħejju għall-priedka tradizzjonali.
Entużjasti, eċitati iżda fuq kollox preparati għall-quddiesa ta’ nofsillejl.
Ma’ dan l-istazzjon, Gianluca Gauci, li se jagħmel il-priedka tal-Milied fuq il-pulptu li nħadem aktar minn mitejn u ħamsin sena ilu minn żewġt aħwa Sqallin, kellimna kemm studja għal din il-priedka.
“Ilni nistudja minn mindu tawhilna, Novembru żgur. Nistudja u vera qed nieħu gost li jien wieħed minn ħamsa li se nagħmel il-priedka.”
Il-priedka tal-Milied taf il-bidu tagħha f’Ħal Luqa, fejn jingħad li saret għall-ewwel darba mit-tfajjel Ġorġ Sapiano, fl-elf tmien mija tlieta u tmenin.
L-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien, Dun Christopher Ellul spjega li l-priedka ta’ din is-sena tibni riflessjonijiet fuq il-pitturi sbieħ li hemm fil-kor ta’ din il-Knisja.
“It-tħabbira tal-anġlu, li hija tħabbira tajba għal familja. Għandek iż-żjara tal-Maġi, li dawn huma ta’ karnaġġjon differenti, għandek il-Malti, Indjani u refuġjati li Kristu ġie għalihom. Imbagħad għandek il-ħarba lejn l-Eġittu, jiġifieri dawn ħarbu għal kawża ġusta.”
Iċ-ċkejknin qalulna li għalkemm qed jibżgħu li se jinsew xi kelma mill-priedka, ħerqana biex jagħtu tħabbira ta-twelid ta’ Ġesù Bambin lill-parruċċani.
“Ħa nistrieħ ħafna, għax inkella niġi hawn u norqod f’nofs il-priedka. Jien u naqra il-priedka, vera bħal ħadd gost u qed nieħu gost li se nagħmel il-priedka tal-Milied biex ma nwaqqax il-parroċċa għaċ-ċajt.”