Serrħu raskom. M’inix se nikteb dwar ir-rumanz miktub minn Jane Austen fl-1813 u li jġib l-istess titlu ta’ dan il-blog.
Kull min isegwi l-midja soċjali u anke dik tradizzjonali jista’ jinnota fattur komuni fil-kummenti ta’ dawk li ma jarawx għajn m’għajn mal-Partit Laburista. Iħarsu bi stmerrija lejn kull min differenti. Lejn kull min hu laburist. Lejn kull min ma jaqbilx magħhom.
Taqra l-kummenti u tintebaħ li jħossuhom superjuri. Anzi infallibbli!
Għal dawn it-talin li tkun laburist int plebew. Injurant. Inkapaċi. Infettat bil-pesta. Tat-tielet dinja.
Ladarba inti mhux ġej miċ-ċirklu tal-magħżulin, inti tajjeb biss għar-rimi. Ma tarax hux se jiċċattaw ulied il-ħaddiem fl-ogħla karigi tal-pajjiż!
Mimlija suppervja u preġudizzji.
U jirraġunaw b’dan il-mod meta jikkumentaw fuqna l-laburisti.
– Dawn min jaħsbu li huma ja qabda infiltrati? Ma jafux li l-poter huwa prerogattiva tagħna! Ma jafux li aħna biss ill-magħżulin?
X’ma jkissruhx lil Joseph Muscat!
–Dan mhux iben il-bidwi? Mhux se nħalluh jikkmandana tgħid! Din ma nniżżluha qatt!
Għaldaqstant affaċċjati minn din ir-rejalta’, bħala sostenituri tal-Moviment tal-Ħaddiema għandna niftħu għajnejna. Jista’ ikun li mhux kull ma jagħmel il-Gvern ikun għall-gosti tagħna, imma aħna lesti nafdaw lil min jarana dubbien?
Rajnieha fejn jaslu dawn.
Qabdu mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Issa mal-Prim Ministru Robert Abela. Mal-brigadier. Mal-armata. Mas-settur tal-ħaddiema tal-Gvern. Mal-għalliema. Mal-kaċċaturi. Magħkom li għandkom kariga mimlija responsabbilta’. Miegħek ħaddiem!
Aħna nimxu bil-politika ta’ Pride without Prejudice.
Kburija bil-ħaddiema. Kburija li ħaddiema. Kburija li Maltin.
U lesti li naħdmu ma’ kull min għandu rieda tajba!
Din hi t-triq li twassalna għal aktar suċċessi.